Splużjoni f’fabbrika tal-logħob tan-nar fil-provinċja Hunan fiċ-Ċina, ħalliet minn tal-inqas 26 persuna mejta u 61 oħra midruba.
L-isplużjoni fl-impjant ta’ Huasheng seħħet it-Tnejn li għadda, għall-ħabta tal-4.40 p.m. (ħin lokali), fil-belt ta’ Liuying.
L-awtoritajiet bagħtu madwar 500 ħaddiem biex iwettqu operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ u anke jassistu lill-feruti, filwaqt li ntużaw robots biex jgħinu sabiex jinstabu dawk li kienu maqbuda fil-binja.
Skont il-midja statali Ċiniża, il-pulizija li qed tinvestiga l-kawża tal-isplużjoni, ħadet “miżuri ta’ kontroll” kontra l-persuna responsabbli mill-kumpanija tal-logħob tan-nar.
L-awtoritajiet qalu li żewġ imħażen tal-porvli fi ħdan il-fabbrika kienu qed jikkawżaw riskju għoli waqt il-ħidma ta’ salvataġġ. Għaldaqstant ġew implimentati wkoll miżuri addizzjonali biex ikunu evitati inċidenti oħra waqt din l-operazzjoni.
L-impatt tal-isplużjoni tant kien b’saħħtu li t-twieqi ta’ bini residenzjali li kienu qrib il-fabbrika tkissru wkoll.
L-etajiet tal-persuni midruba jvarjaw bejn l-20 u s-60 sena, filwaqt li xi wħud sofrew minn ġrieħi fl-għadam wara li ntlaqtu minn debris li tar għal fuqhom.
Il-President Xi Jinping ħeġġeġ għal sforz akbar biex jinstabu dawk li kienu għadhom rapportati nieqsa u anke jiġu salvati l-persuni midruba.
Meta tkellmet ma’ Beijing News, residenta li tgħix madwar kilometru ’l bogħod mill-fabbrika, qalet li r-residenti qed ikollhom jgħaddu minn toroq oħra wara li għadd kbir ta’ ġebel spiċċa fit-triq kawża tal-isplużjoni.
Il-belt ta’ Liuyang hija magħrufa sew għall-manifattura tal-logħob tan-nar, b’rapporti jgħidu li hi wkoll fost l-akbar produtturi tal-logħob tan-nar fid-dinja.
Splużjonijiet f’fabbriki u ħwienet tal-logħob tan-nar mhumiex rari fiċ-Ċina – u spiss ikunu fatali. Fi Frar, 12-il persuna mietu f’isplużjoni f’ħanut tal-logħob tan-nar fil-provinċja ta’ Hubei.


