Tuesday, May 5, 2026

Resqin lejn kriżi fit-trasport fuq l-art fl-Ewropa

…żieda fil-prezzijiet tad-dijżil nuqqas ta’ xufiera, riskji għall-provvista tal-fjuwil, kummerċ imfixkel

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Diversi operaturi tat-trasport f’pajjiżna jinsabu imħassbin b’dik li huma qegħdin isejħu bħala ‘kriżi fit-trasport bl-art fl-Ewropa’. Dawn l-operaturi waqt li qegħdin isemmu l-mod qawwi kif żdiedu l-ispejjeż għal operaturi barranin f’dak li hu l-prezz tad-dijżil, qegħdin isemmu ukoll li dan is-settur qiegħed jintlaqat minn nuqqas kbir ta’ xufiera, kummerċ imfixkel u tnaqqis ukoll fit-trakkijiet. Fi kliem l-operaturi, “dan qiegħed jaffettwa dan is-settur b’mod negattiv u se jwassal għal żidiet mhux żgħar fit-tariffi tal-ġarr tal-merkanzija fl-Ewropa”.

Operatur li tkellem ma’ IT-TORĊA qalilna li “s-settur tat-trasport bl-art fl-Ewropa qiegħed jiġi affettwat b’mod negattiv ħafna minn diversi fatturi. Li jinkwieta lilna hu l-fatt li dan kollu se jwassal għal żidiet fil-prezzijiet. Il-ġarr tal-merkanzija fit-toroq fil-pajjiżi Ewropej qiegħda tiffaċċja ambjent operattiv li qiegħed isir aktar diffiċli. Kellek żieda qawwija fil-prezz tad-dijżil. 

Is-sewwieqa qegħdin dejjem jonqsu. It-tiġdid tat-trakkijiet – li hu importanti ħafna, qiegħed dejjem isir aktar bil-mod. Ma’ dan hemm tfixkil għall-kummerċ. Dawn qegħdin jagħmlu jagħmlu s-suq aktar volatili u aktar għali għall-operaturi.”

L-istess operatur qalilna li “l-prezzijiet tal-fjuwil żdiedu b’madwar 20 fil-mija fil-ġimgħat ta’ wara l-attakki fil-Golf Għarbi u żiedu sew l-ispejjeż operattivi għat-trasportaturi li diġà jaħdmu b’marġini stretti.  L-akbar żieda rreġistrata kienet fi Spanja, filwaqt li l-Irlanda kellha l-ogħla prezz tal-pompa ta’ €2.3 kull litru dijżil. Il-prezz tad-dijżil tela’ ‘lfuq minn €2 kull litru fil-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Italja u l-Olanda.

Intant fl-aħħar sigħat saret dikjarazzjoni qawwija ħafna mill-Kummissarju Ewropew għat-Trasport, Apostolos Tzitzikostas. Qal bla tlaqlieq li “l-istaġnar fil-provvista tal-enerġija ta’ Hormuż jista’ jkun ‘katastrofiku’. Jekk l-Istrett ta’ Hormuż ma jinfetaħx għat-traffiku taż-żejt u l-gass dalwaqt, l-Ewropa u d-dinja jiffaċċjaw konsegwenzi “katastrofiċi”. Spjega li fil-mument  s’issa m’hemm l-ebda sinjal ta’ kriżi.

Hu qal li “l-ebda mod ta’ trasport mhu eżentat mill-pressjoni fil-provvista tal-fjuwil ikkawżata mill-gwerra fl-Iran”. Irrikonoxxa li l-prezzijiet tal-fjuwil żdiedu u li “l-provvista tal-fjuwil għall-ajruplani hi taħt pressjoni f’ċerti partijiet tal-Ewropa”, huwa sostna li m’hemm “l-ebda evidenza attwali” ta’ nuqqas ta’ fjuwil.

“L-Ewropa żżomm riżervi ta’ emerġenza li jistgħu jiġu mobilizzati jekk ikun meħtieġ. Għalissa, is-suq qed jassorbi x-xokk”, iddikjara l-Kummissarju għat-Trasport.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport