Tuesday, May 5, 2026

Tnedija ta’ €15 miljun f’appoġġ għad-diġitalizzazzjoni u l-Intelliġenza Artifiċjali fl-SMEs

Aqra wkoll

Il-Gvern Malti jkompli jsaħħaħ l-investiment fid-diġitalizzazzjoni tan-negozji permezz tat-tnedija ta’ Call 2 tal-iskema Digitalise your SME, inizjattiva kofinanzjata mill-Fondi Ewropej.

Din l-iskema qed tara żieda sostanzjali fl-investiment, fejn minn allokazzjoni inizjali ta’ €5 miljun, issa qed tiżdied għal €15-il miljun. Din l-inizjattiva għandha l-għan li tgħin lin-negozji żgħar u medji jinvestu fid-diġitalizzazzjoni u fl-Intelliġenza Artifiċjali, sabiex isaħħu l-kompetittività, l-effiċjenza u r-reżiljenza tagħhom.

Permezz ta’ din l-iskema, l-intrapriżi jistgħu jibbenefikaw minn appoġġ finanzjarju biex jinvestu f’soluzzjonijiet diġitali, sistemi intelliġenti u teknoloġiji innovattivi li jsaħħu l-operat tagħhom. Il-valur massimu tal-għotja huwa ta’ €128,400 għal azzjonijiet eliġibbli, b’għajnuna sa 50% għal investimenti f’Malta u 60% għal investimenti f’Għawdex. Fil-każ ta’ proġetti li jinkludu l-Intelliġenza Artifiċjali, hemm għajnuna addizzjonali sa €107,000, li twassal għal total massimu ta’ €235,400.

Il-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi, saħaq li din l-inizjattiva hija parti integrali mill-Viżjoni Malta 2050, li tħares lejn ekonomija aktar diġitali, sostenibbli u reżiljenti, u enfasizza r-rwol kruċjali tal-Fondi Ewropej bħala strument ta’ trasformazzjoni ekonomika u diġitali.

Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri, sostna li dan l-investiment qed jgħin lin-negozji Maltin u Għawdxin jagħmlu qabża ’l quddiem lejn innovazzjoni u tkabbir sostenibbli, partikolarment permezz tal-adozzjoni ta’ teknoloġiji avvanzati bħall-Intelliġenza Artifiċjali. “Fl-aħħar Budget konna ħabbarna total ta’ €100 miljun f’miżuri fejn tidħol intelliġenza artifiċjali u innovazzjoni, illum fil-prattika qed inħabbru l-ewwel €15-il miljun minnhom immirati għan-negozji żgħar u medji.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Digital Innovation Authority (MDIA), Kenneth Brincat, saħaq fuq l-importanza ta’ implimentazzjoni responsabbli u effettiva tal-Intelliġenza Artifiċjali fis-settur privat, u r-rwol tal-governanza diġitali fil-proċess ta’ trasformazzjoni.

Call 2 “Digitalise your SME” se tiftaħ fl-1 ta’ Lulju 2026, bl-ewwel deadline jkun fil-31 ta’ Lulju 2026. L-iskemi ta’ għajnuna qed jiġu amministrati permezz ta’ sistema open-rolling, fejn l-applikanti jistgħu japplikaw online fi kwalunkwe ħin, b’cut-off dates li jiġu stabbiliti madwar kull 15-il jum. Dawn il-cut-off dates se jibqgħu jiġu mħabbra sa tmiem l-2026 u jistgħu jiġu estiżi skont id-disponibbiltà tal-baġit.

Il-Gvern qed jaħdem ukoll mill-qrib mal-Malta Business Chambers, rappreżentanti tas-settur u Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) sabiex jiġu organizzati sessjonijiet ta’ informazzjoni għall-applikanti interessati. Aktar informazzjoni dwar dawn is-sessjonijiet se tiġi ppubblikata fil-ġimgħat li ġejjin fuq pjattaformi online sabiex tkun aċċessibbli għal kulħadd.

Proġetti li jinkludu l-Intelliġenza Artifiċjali se jibbenefikaw ukoll minn appoġġ addizzjonali mill-Malta Digital Innovation Authority (MDIA). L-għajnuna finanzjarja addizzjonali fir-rigward tal-AI se tingħata sena wara li jitlesta l-proġett, wara s-sottomissjoni ta’ productivity gains report u ethical AI u societal well-being report.

Il-Gvern iħeġġeġ lin-negozji biex jagħmlu użu minn dawn l-opportunitajiet ta’ finanzjament sabiex ikomplu jinvestu fil-futur tagħhom u jikkontribwixxu għal ekonomija Maltija aktar kompetittiva u innovattiva.

Għal aktar informazzjoni, l-applikazzjonijiet huma miftuħa permezz tas-sit uffiċjali fondi.eu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport