Se jkun qed jitnieda programm ta’ BMI screening fl-iskejjel biex tiġi indirizzata l-prevalenza tal-obeżità fost it-tfal. B’hekk jiġu identifikati minn kmieni dawk it-tfal li qed itellgħu piż żejjed.
Ħabbar dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela meta ħa sehem f’Tinda Ideat – diskussjoni bit-tema ‘Int Malta – Il-Ħolma Tiegħek. Il-Proġett Tagħna’ f’Santa Venera.
Dr Abela spjega li dawk f’riskju t’obeżità se jkunu qed jiġu riferuti għand dietitian biex flimkien mal-ġenituri tagħhom jitħejja weight managment programme li jinkludi dieta u programm ta’ attività fiżika.
Il-Prim Ministru ħabbar ukoll li bil-ħsieb li jagħmlu l-attivitajiet extrakurrikulari aktar affordabbli u jħeġġu l-parteċipazzjoni t’aktar tfal se terġa’ tiżdied ir-rifużjoni tat-taxxa b’€100 oħra għal €400 fis-sena għall-ġenituri li jibagħtu lil uliedhom għall-attivitajiet sportivi, artistiċi u kulturali wara l-ħin tal-iskola.
“Ir-rifużjoni fuq l-ispiża marbuta ma’ attivitajiet extrakurrikulari sportivi se nestenduha wkoll għal għat-tfal li jattendu l-akkademji tal-futbol u attivitajiet oħra bħal hybrid training (OCR),” kompla jgħid il-Prim Ministru.
Huwa sostna wkoll li l-atleti elite li qed jirrappreżentaw lil pajjiżna f’kompetizzjonijiet internazzjonali m’għandhomx jagħmlu użu mill-leave personali tagħhom biex jikkompetu.
“L-isports leave għall-atleti elite li jaħdmu fil-privat u jifformaw parti mit-timijiet nazzjonali se jitla’ għal għaxart ijiem meta jikkompetu f’kampjonati organizzati mill-assoċjazzjoni jew federazzjoni Ewropea jew dinjija. Flimkien mal-atleti, il-membri tat-tim tekniku u mediku li se jakkumpanjhom ukoll se jibbenefika minn dan il-leave imħallas mill-Gvern,” qal Dr Abela.
Il-Prim Ministru tenna jgħid li kull miżura li qed iressaq ’il quddiem l-Partit Laburista hi “costed, fattibbli u għandna l-kredibilità li se nwettquha.”


