Thursday, June 25, 2026

L-AiMS tippubblika l-ewwel manwal dwar is-Safeguarding fl-Isport Malti

Aqra wkoll

L-Awtorità għall-Integrità fl-Isport Malti (AiMS) ippubblikat l-ewwel manwal dwar is-suġġett tas-

Safeguaring f’Malta mfassal speċifikament għas-settur sportiv, u b’hekk qed timmarka pass

importanti fl-impenn kontinwu tagħha biex tippromwovi l-kunċett ta’ Sport sigur u ssaħħaħ il-prattiċi ta’ salvagwardja fil-livelli kollha tal-isport.

Il-pubblikazzjoni ta’ dan il-manwal, bl-isem ‘Best Practices in Maltese Sport’, tirrappreżenta pass sinifikanti ’l quddiem fit-tisħiħ tal-istandards ta’ salvagwardja fil-komunità sportiva Maltija u fil-ħolqien ta’ ambjenti fejn il-parteċipanti kollha jistgħu jipprattikaw l-isport b’mod sigur u seren.

F’kumment dwar it-tnedija ta’ din il-publikazzjoni , l-Kap Eżekuttiv tal-AiMS, Kevin Azzopardi, qal:

“Fl-AiMS, l-impenn tagħna lejn is-salvagwardja huwa ċar, sod u ċentrali għall-missjoni tagħna. Għalkemm is-Safeguarding ħafna drabi huwa marbut prinċipalment mal-protezzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ, il-viżjoni tagħna tmur ferm lil hinn minn dan il-kunċett tradizzjonali. Aħna nagħrfu li l-ħsara, l-abbuż, id-diskriminazzjoni, il-fastidju, in-negliġenza u l-isfruttament jistgħu jolqtu lill-

individwi irrispettivament mill-età, il-kapaċità, il-ġeneru, l-etniċità, ir-reliġjon, l-orjentazzjoni sesswali jew l-isfond tagħhom.”

L-AiMS tenfasizza li l-isforzi tagħha fil-qasam tas-salvagwardja mhumiex limitati biss għall-protezzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ. L-għan usa’ tal-Awtorità huwa li jinħolqu ambjenti sportivi fejn il-parteċipanti kollha jħossuhom siguri, apprezzati, rispettati u msaħħa biex jipparteċipaw bis-sħiħ. L-AiMS temmen li s-salvagwardja għandha tkun integrata f’kull livell tal-isport; mill-parteċipazzjoni fil-livell bażiku sal-kompetizzjoni tal-ogħla livell – biex jiġi żgurat li l-ġid u l-benesseri ta’ kull individwu jibqgħu fiċ-ċentru tal-proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet.

Il-manwal ġie żviluppat wara żewġ sessjonijiet ta’ konsultazzjoni li saru b’suċċess is-sena li għaddiet, li matulhom il-partijiet interessati mis-settur sportiv ġew mistiedna jaqsmu l-fehmiet u l-għarfien

tagħhom dwar kwistjonijiet relatati mas-salvagwardja.

Imfassal bħala riżorsa prattika u aċċessibbli, il-manwal għandu l-għan li jgħin lill-komunità sportiva tifhem u timplimenta miżuri effettivi ta’ salvagwardja. Dan joffri gwida ċara u prattika, flimkien ma’ eżempji konkreti ta’ prattika tajba permezz ta’ sensiela ta’ “X’għandu jsir u m’għandux isir”, li jkopru

diversi sitwazzjonijiet, fosthom il-komunikazzjoni u s-sigurtà online, l-arranġamenti waqt l-ivvjaġġar u l-użu tad-dressing rooms.

Permezz tal-promozzjoni tal-għarfien, l-inkoraġġiment ta’ mġiba pożittiva, it-tisħiħ tal-kultura tas-salvagwardja u l-għoti ta’ gwida adattabbli, il-manwal għandu l-għan li jappoġġja l-applikazzjoni konsistenti tal-prinċipji ta’ Sport sigur fl-ambjenti sportivi kollha.

Fil-jiem li ġejjin, l-Assoċjazzjonijiet, Federazzjonijiet tal-Isport u l-klabbs sportivi lokali kollha se jirċievu kopja ta’ din il-pubblikazzjoni importanti. Il-pubbliku jista’ wkoll jaċċessa verżjoni diġitali tal-manwal permezz tas-sit elettroniku tal-AiMS fuq aims.org.mt jew direttament minn dan il-link: https://aims.org.mt/wp-content/uploads/2026/06/Best-Practices-in-Maltese-Sport.pdf

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport