29 għaqda mhux governattiva jkomplu jsaħħu l-faċilitajiet tagħhom

… bl-appoġġ tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi

Aqra wkoll

Fl-ewwel tmien xhur ta’ din is-sena, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi lesta 27 proġett ma’ għaqdiet mhux governattivi madwar Malta.

Bħalissa, id-Dipartiment qed ikompli l-ħidma tiegħu fuq 9 proġetti oħra, filwaqt li b’kollox 29 għaqda mhux governattiva differenti diġà  bbenefikaw minn dawn l-interventi.

Dawn il-proġetti jiffurmaw parti mill-ħidma kontinwa tad-Dipartiment biex jikkontribwixxi lejn it-titjib tal-ispazji komunitarji permezz ta’ xogħlijiet ta’ restawr, manutenzjoni, rinnovar u modernizzar, bil-għan li dawn il-faċilitajiet ikunu jistgħu jkomplu jintużaw b’mod sigur u effettiv mill-komunità.

Il-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Alison Zerafa Civelli, flimkien mad-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tax-Xogħlijiet fi ħdan id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, il-Perit Stephen Bonello, żaru l-Kunvent tas-Sorijiet Dumnikani f’Ħal Safi, fejn setgħu jaraw mill-qrib ix-xogħlijiet li twettqu fuq il-binja.

Dan l-intervent huwa wieħed mill-eżempji konkreti tal-ħidma li d-Dipartiment qed iwettaq flimkien ma’ għaqdiet mhux governattivi madwar Malta, bil-għan li jiġu mħarsa u mtejba spazji li għandhom valur għall-komunità.

Il-Ministru Alison Zerafa Civelli qalet li dan ir-riżultat juri l-impenn tal-Gvern li jkompli jkun qrib l-għaqdiet mhux governattivi u jinvesti fl-ispazji li fihom tissawwar il-ħajja tal-komunitajiet tagħna. “Meta ninvestu fl-ispazji tal-għaqdiet tagħna, inkunu qed ninvestu direttament fil-komunitajiet tagħna u fin-nies li jagħtu l-ħin u l-enerġija tagħhom biex jagħmlu differenza fis-soċjetà,” qalet il-Ministru. Hija sostniet li permezz ta’ din il-ħidma l-Gvern qed ikompli jagħti l-appoġġ konkret lill-għaqdiet mhux governattivi, filwaqt li jiżgura li l-faċilitajiet tagħhom ikunu aktar siguri, aċċessibbli u adattati għall-ħtiġijiet tal-komunità.

Id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tax-Xogħlijiet, il-Perit Stephen Bonello, spjega li fil-Kunvent tas-Sorijiet Dumnikani sar intervent fuq il-blajjet tal-bibien li kienu jinsabu fi stat li kien jirrappreżenta riskju għas-sigurtà. Stħarriġ tekniku identifika d-dħul kontinwu tal-ilma bħala l-kawża ewlenija tad-deterjorament, u għalhekk saru xogħlijiet ta’ tiswija u konsolidazzjoni, flimkien ma’ trattament speċjalizzat biex jiġi evitat li l-problema terġa’ tfeġġ.

Il-Kappillan tal-Parroċċa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl ta’ Ħal Safi, Dun Ivan Scicluna, irringrazzja lid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi għall-interventi li saru, fejn qal li dawn ix-xogħlijiet qed jagħmlu differenza konkreta għall-komunità, billi qed joffru spazji aktar siguri, funzjonali u adattati għall-attivitajiet li jsiru fihom matul is-sena.

Minbarra dan, id-Dipartiment wettaq ukoll proġett estensiv ta’ rinnovar u tisbiħ fiċ-Ċentru Parrokkjali ta’ Ħal Safi, magħruf bħala d-Domus. Ix-xogħlijiet inkludew interventi fil-kmamar tal-banju u l-kurituri, tisħiħ strutturali fiż-żona tal-palk, xogħlijiet fuq il-bitħa, installazzjoni ta’ servizzi ġodda, pavimentar u illuminazzjoni, kif ukoll restawr tal-faċċata u tal-ħitan tal-parapett.

Permezz ta’ dawn l-interventi, id-Domus ġiet imġedda biex toffri ambjent aktar sigur, aċċessibbli u akkoljenti għall-komunità, b’diversi spazji li jistgħu jintużaw għal attivitajiet komunitarji, b’mod partikolari mit-tfal.

Ix-xogħlijiet fil-Kunvent tas-Sorijiet Dumnikani u fiċ-Ċentru Parrokkjali ta’ Ħal Safi huma eżempju tal-mod kif id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi qed jaħdem ma’ għaqdiet mhux governattivi biex jissaħħu l-faċilitajiet li għandhom rwol importanti fil-ħajja tal-komunità. Din il-ħidma tkompli fuq il-proġetti l-oħra li d-Dipartiment qed iwettaq madwar Malta, b’investiment f’binjiet u spazji li jistgħu jkomplu jservu lill-komunitajiet tagħna llum u fis-snin li ġejjin.

Preżenti waqt iż-żjara kien hemm ukoll il-Perit responsabbli mill-proġett, li ta ħarsa lejn ix-xogħlijiet li twettqu u spjega d-diversi interventi li saru, kif ukoll is-Sindku ta’ Ħal Safi, Johan Mula.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport