“Il-ħarsien tad-dritt li tkun parti minn demostrazzjoni paċifika u tal-libertà tal-espressjoni għandu għalhekk jibqa’ prijorità assoluta, għaliex dawn huma pilastri essenzjali ta’ demokrazija b’saħħitha f’Malta. Irridu nibqgħu niċċelebraw il-progress, filwaqt li nħarsu u nsaħħu dak li ksibna. L-ugwaljanza trid tkun realtà fil-ħajja ta’ kuljum ta’ kull persuna, mhux biss dritt miktub fil-liġi”.
Iddikjarat dan il-Ministru għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili Rosianne Cutajar f’intervista ma’ dan il-is-sit b’rabta mal-attivitajiet relatati mal-Pride.
Il-Ministru Cutajar spjegat li huwa importanti ħafna li niċċelebraw il-progress li għamilna, iżda fl-istess ħin ma nistgħux naħsbu li x-xogħol tagħna spiċċa. Qalet li; “Id-dritt li tkun parti minn demostrazzjoni paċifika u l-libertà tal-espressjoni huma drittijiet fundamentali ta’ kull persuna. Malta għamlet passi importanti ħafna fil-qasam tad-drittijiet ċivili u għandna għalxiex inkunu kburin”.
Fissret kif madankollu, wieħed irid jiftakar li għal żmien twil il-persuni LGBTIQ+ f’Malta ma setgħux jeżerċitaw dawn id-drittijiet b’mod ħieles u mingħajr biża’. Huwa għalhekk, li l-Pride mhijiex biss ċelebrazzjoni ta’ dak li nkideb imma hija wkoll espressjoni konkreta ta’ libertajiet li llum għandna d-dmir li nipproteġu.
Il-Ministru Cutajar saħqet kif f’diversi pajjiżi kif, minkejja l-progress li jkun sar, jista’ jkun hemm rigress u drittijiet li konna naħsbu li huma assigurati jerġgħu jiġu kkontestati.
Qalet ukoll; “Il-Pride qed tilħaq dan l-iskop, għaliex il-viżibbiltà, l-għarfien u d-djalogu li toħloq jgħinuna nkissru l-preġudizzji u nibnu soċjetà aktar inklużiva. Iżda l-progress fil-liġi mhux dejjem jirrifletti ruħu bl-istess mod fil-ħajja ta’ kuljum, u għalhekk il-Pride tibqa’ meħtieġa”.
Ma’ dan il-ġurnal, il-Ministru qalet li sfortunatament għad hemm persuni LGBTIQ+ li jibżgħu jitkellmu mal-familja tagħhom dwar min huma jew dwar il-persuna li jħobbu, għax jistgħu jiltaqgħu ma’ ċaħda, pressjoni biex jinbidlu, silenzju jew tensjoni fid-dar.
Qalet ukoll li; “oħrajn iħossuhom kostretti jaħbu parti minnhom infushom fuq il-post tax-xogħol: jevitaw li jsemmu s-sieħeb jew is-sieħba tagħhom, joqogħdu lura milli jikkoreġu kummenti offensivi, jew jibżgħu li l-preġudizzju jaffettwa r-relazzjonijiet mal-kollegi, l-opportunitajiet jew il-mod kif jiġu trattati”.
Irrimarka li persuni trans u mhux binarji jistgħu wkoll jiġu indirizzati b’isem jew pronomi li ma jirrispettawx l-identità tagħhom. Għal persuni LGBTIQ+ ta’ fidi, in-nuqqas ta’ aċċettazzjoni jista’ joħloq kunflitt profond. Meta mexxej spiritwali jew komunità reliġjuża tippreżenta l-fidi u l-identità LGBTIQ+ bħala żewġ realtajiet li ma jistgħux jeżistu flimkien, il-persuna tista’ tħossha mġiegħla tagħżel bejn il-fidi tagħha u min hi.
Fissret kif dan jista’ jwassal biex persuni jitbiegħdu minn komunitajiet li kienu importanti għalihom jew jibqgħu siekta minħabba l-biża’ tal-ġudizzju.
Il-Ministru Cutajar enfasizzat li f’dawn ir-realtajiet, il-Pride tibgħat messaġġ ċar: m’intix waħdek, m’hemm xejn ħażin fik, u jeżistu persuni, organizzazzjonijiet u servizzi li jistgħu jilqgħuk u jappoġġjawk.
Żiedet tgħid; “Għal min għadu ma jistax ikun viżibbli jew jgħix liberament, li jara eluf ta’ persuni jimxu flimkien—membri tal-komunità, familji, ħbieb u alleati—jista’ jkun l-ewwel sinjal ta’ tama. Il-Pride għalhekk mhijiex biss marċ jew ċelebrazzjoni; hija wkoll forma ta’ outreach li tista’ tħeġġeġ lil persuna tfittex komunità, appoġġ kunfidenzjali u spazju fejn tkun tista’ tgħix b’dinjità u mingħajr biża’”.
Matul din l-intervista, ssemma’ is-suġġett ta’ jekk hemmx ħsieb li jitressqu aktar liġijiet li jkomplu jsaħħu il-protezzjoni ta’ dawn il-persuni. Dan anke fl-isfond li għadna naraw kummenti ta’ mibegħda fuq il-midja soċjali imma wkoll għad hemm persuni gay li jitwarrbu minn sħabhom stess fuq il-post tax-xogħol.
Dwar dan, il-Ministru Cutajar biex qaltilna li x-xogħol tagħha bħala Ministeru huwa li jibqgħu jisimgħu, jidentifikaw il-lakuni u jaġixxu fejn ikun hemm bżonn.
Qalet ukoll; “il-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni LGBTIQ+ mhijiex biċċa xogħol magħluqa. Minn perspettiva legali, nistgħu nkomplu nsaħħu l-qafas kontra d-diskriminazzjoni sabiex ikopri b’mod ċar u komprensiv l-impjieg, l-edukazzjoni, is-saħħa, l-akkomodazzjoni u l-aċċess għal beni u servizzi, fuq il-bażi tal-orjentazzjoni sesswali, l-identità u l-espressjoni tal-ġeneru, u l-karatteristiċi tas-sess”.
Kompliet tgħidilna li; “Irridu wkoll niżguraw korp tal-ugwaljanza b’mandat ċar, indipendenza, riżorsi adegwati u mezzi effettivi biex jinvestiga lmenti u jipprovdi rimedju. Il-fatt li għadna naraw diskors ta’ mibegħda fuq il-midja soċjali, kif ukoll persuni li jiġu mwarrba jew diskriminati fuq il-post tax-xogħol jew meta jirċievu servizz, jurina li l-liġi trid tkun infurzata b’mod effettiv”.
Dan jinkludi taħriġ speċjalizzat għall-Pulizija, il-prosekuturi, il-ġudikatura, l-ispetturi tax-xogħol u dawk li jipprovdu servizzi pubbliċi; sistemi aktar ċari u aċċessibbli għar-rappurtar; appoġġ legali u psikosoċjali għall-vittmi; u ġbir u pubblikazzjoni ta’ data dwar diskriminazzjoni, reati ta’ mibegħda u l-eżitu tal-każijiet. Qaltilna li l-politiki dwar l-ażil għandhom ukoll ikomplu jissaħħu biex il-persuni LGBTIQ+ li jfittxu protezzjoni jingħataw proċeduri siguri, sensittivi u kunfidenzjali.
Il-Ministru Cutajar irrimarkat li minn perspettiva ta’ politika, jeħtieġ li l-ugwaljanza LGBTIQ+ tidħol fil-prattika ta’ kuljum fl-iskejjel, fis-servizzi tas-saħħa, fuq il-postijiet tax-xogħol u fl-amministrazzjoni pubblika. Qalet li dan jista’ jsir permezz ta’ edukazzjoni inklużiva u miżuri kontra l-bullying; standards obbligatorji ta’ ugwaljanza u diversità għal min iħaddem u għal dawk li jipprovdu servizzi; aċċess f’waqtu u mingħajr diskriminazzjoni għal kura tas-saħħa adatta, inkluża kura speċifika għall-persuni trans; u servizzi mmirati għal persuni anzjani, migranti, persuni b’diżabbiltà u żgħażagħ LGBTIQ+.
Il-Ministru Cutajar tenniet tgħid li fl-istess ħin, il-miżuri tal-Istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ugwaljanza LGBTIQ+ 2023–2027 għandhom jibqgħu jiġu mmonitorjati permezz ta’ miri, skadenzi, responsabbiltajiet ċari u rapportar pubbliku, sabiex l-ugwaljanza ma tibqax biss fil-liġi iżda ssir realtà fil-ħajja ta’ kuljum.


