Il-player Pollakk Oskar Kordus miet fl-età ta’ 20 sena wara inċident traġiku tat-traffiku li fih ċerva daħlet mill-windscreen tal-karozza tiegħu.
Kordus kien qed isuq bejn Krajewice u Grabonog meta karozza li kienet ġejja fid-direzzjoni opposta laqtet ċerva. L-annimal intrema fl-arja u spiċċa fuq il-BMW ta’ Kordus, li kien qed isuq fid-direzzjoni opposta.
Iċ-ċerva faqgħet il-windscreen tal-karozza tiegħu, li mbagħad ħarġet mit-triq u nqalbet f’gandott. Is-sewwieq tal-Volkswagen li inizjalment laqat iċ-ċerva ma weġġax, skont rapporti fil-media Pollakka.
Is-servizzi tal-emerġenza waslu fuq il-post u sabu lil Kordus f’kundizzjoni kritika u bdew jagħtuh assistenza medika sakemm ittieħed b’ħelikopter tal-ambulanza lejn sptar f’Poznan.
L-inċident seħħ jumejn ilu għall-ħabta tas-6.00 am iżda l-mewt tiegħu ġiet ikkonfermata aktar tard fl-istess jum, għall-ħabta tal-10.30 pm. Huwa miet minħabba l-ġrieħi li sofra fl-aċċident.
Kordus kien jilgħab ma’ Kania Gostyn, fit-tielet livell tal-football Pollakk, u l-club esprima n-niket tiegħu fejn bagħat il-kondoljanzi lill-familja u lill-ħbieb tiegħu.
Huwa kien jilgħab ukoll ma’ Korona Piaski hekk kif kien prodott tal-akkademja tagħhom sa minn etá zgħira.




