Minn Cristian Muscat
ANDORRA ………..1
MALTA ………….…2
Permezz ta’ wirja qalbiena u reżiljenti speċjalment fit-tieni taqsima, proprju fl-ewwel impenn minn Grupp D1 tal-UEFA Nations League Malta dawret telfa f’rebħa ta’ 2-1 kontra Andorra, bil-Maltin saħansitra jfallu penalty lejn l-aħħar mumenti tal-partita, proprju ftit wara l-goal tar-rebħa għal pajjiżna minn Teddy Teuma.
Kienu Andorra li ħolqu l-ewwel periklu fl-10 minuta meta cross-shot ta’ Gerard Sola kważi minn tarf il-kaxxa għadda ftit barra.
Malta wieġbet mal-kwarta logħob permezz ta’ xutt pjuttost centrali mid-distanza ta’ Teddy Teuma li ġie salvat tajjeb mill-goalkeeper ta’ Andorra, Iker Alvarez.
Il-Maltin komplew fuq l-offensiva u minuta biss wara, il-captain Matthew Guillaumier avvanza fil-kaxxa iżda l-konklużjoni tiegħu falliet il-mira.

Iżda kontra x-xejra tal-logħob, fit-18-il minuta, kienu Andorra li fetħu l-iskor meta l-ewwel Aron Rodrigo kellu x-xutt tiegħu jiġi salvat parzjalment mill-goalkeeper Henry Bonello, biex mir-rebound pront kien GUILLAUME LOPEZ li spara l-ballun fir-rokna tax-xibka.
Dan il-goal ipprovda injezzjoni morali għal Andorra u fis-26 minuta reġgħu resqu viċin meta Sola kellu xeħet għoli.
Madankollu, fis-36 minuta il-Maltin għamlu l-iskor indaqs meta Teddy Teuma b’mod intelliġenti xeħet cross fid-direzzjoni ta’ IRVIN CARDONA li b’mossa intelliġenti żbilanċja żewġ difensuri avversarji u b’xutt angolat għeleb għal kollox lil Alvarez.
Fit-43 minuta, il-Maltin fallew ċans tad-deheb meta b’eleganza kbira bit-takkuna, Ilyas Chouaref għadda lejn Zack Muscat li min-naħa tiegħu serva fuq platt tal-fidda lil Guillaumier li minn pożizzjoni ferm ideali għamel l-impossibbli u tefa’ għoli.
Fis-60 minuta, Teuma xeħet cross mix-xellug li sab lil Cardona li mill-viċin mattar siequ iżda sab lil Alvarez attent li salva tajjeb.
Fid-69 minuta Albert Rosas, li kien ilu biss żewġ minuti fil-ground, approfitta minn pass erratiku ta’ Paul Mbong, qabel venven xutt mid-distanza li ntemm ftit barra.
Fit-78 minuta, il-Maltin fallew ċans ieħor meta Teuma niżżel il-ballun bir-ras lejn is-sostitut Keyon Ewurum kellu l-konklużjoni mill-viċin tiegħu salvata tajjeb minn sieq Alvarez.
Andorra għamlu reazzjoni mmedjata iżda Bonello wettaq save fuq Jordi Alaez.

U fil-81 minuta, il-Maltin skorjaw il-goal tar-rebħa meta TEDDY TEUMA wara li rċieva mingħand Cardona, għamel kuntatt mal-ballun u pront xeħet fix-xibka.
Fl-84 minuta Malta rebħu penalty meta Ilyas Chouaref twaqqa’ fil-kaxxa minn Biel Borra u Alexandre Martinez, iżda mill-11-il metru l-istess player spara għoli.
Andorra: Iker Alvarez, Blel Borra, Pau Babot, Max llovera, Guillaume Lopez (Albert Rosas 67), Moises San Nicolas (Alex Cornella Molins 87), Eric De las Heras (Jordi Alaez 67), Aron Rodrigo, Gerard Sola (Alexandre Martinez 76), Ian Olivera, Ot Remolins (Eric Vales 87) – Coach: Koldo Alvarez
Malta: Henry Bonello, Ryan Camenzuli, Kurt Shaw, Matthew Guillaumier, Paul Mbong (Keyon Ewurum 75), Teddy Teuma (Jake Grech 89), Irvin Cardona, Enrico Pepe, Ilyas Chouaref, Zach Muscat (Juan Carlos Corbalan 46), Alex Satariano (Brandon Paiber 74) – Coach: Emilio De Leo
Referee: Joey Kooij (Olanda)
assistenti: Dyon Fikkert, Murat Kucukerbir (Olanda)
Raba’ Uff.: Jannick van der Laan (Olanda)
Skorers: G. Lopez 17 (A), I. Cardona 36, T. Teuma 81 (M)
Ammoniti: I. Olivera, M. San Nicolas, G. Sola, E. De las Heras, A. Rosas (A), A. Satariano, K. Shaw (M)




