Dawn l-aħħar jiem tqanqlet diskussjoni dwar ħlasijiet addizjonali fil-kont lil konsumaturi għal servizz (service charge) offrut lilhom stess. Dan wara li fil-kontijiet tar-ristoranti, fil-fatturi tal-lukandi u f’bosta servizzi oħra li jingħataw bdew jidhru ħlasijiet addizzjonali mingħajr ma l-klijent ikun jaf bihom minn qabel.
F’dan il-kuntest, is-sidien ta’ xi negozji jistgħu qed jargumentaw li dawn il-ħlasijiet addizzjonali jgħinuhom ikopru parti mill-ispejjeż operattivi. B’danakollu, il-klijenti qed jitħawdu meta jaraw ħlas addizzjonali jiddaħħal b’mod mhux mistenni fil-kont finali tagħhom.
Filwaqt li ntennu li ma naraw xejn ħażin li s-sidien tan-negozji jitolbu prezz ġust għas-servizzi li jipprovdu, ma nistgħu naċċettaw qatt iżda li l-ħaddiem jagħmel tajjeb hu, minn dak dovut lilu, għal xi parti mill-ispejjez li n-negozji jkunu qed jaffaċċjaw.
Ċirkustanzi bħal dawn, huwa ovvju, jqanqlu mistoqsijiet importanti. Il-klijent qed ikun mgħarraf b’dan il-ħlas addizzjonali minn qabel ma jirċievi l-kont? Qed ikun il-klijent mgħarraf fejn morru l-flus u min jibbenefika minn dan il-ħlas addizzjonali?
Aktarx iva milli le, ir-risposta hi li l-klijenti ma jkunu jafu xejn.
Fil-prattika normali, il-konsumaturi jagħżlu r-restorant u l-lukanda abbażi tal-prezzijiet murija fuq il-menu, u għal kwalunkwe servizz ieħor, skont il-prezzijiet li jkunu reklamati. Madankollu, fil-kont finali, f’daqqa waħda jsibu li jkun inkluż ħlas addizzjonali għas-servizz mogħti lilhom.
Il-klijenti raġonevolment jassumu ħafna drabi li l-ħlas addizzjonali għas-servizz qed jingħata lill-impjegati li jservuhom. Iżda dan mhux dejjem huwa l-każ. Għalhekk, in-negozji għandhom jispjegaw b’mod ċar fejn qed imur id-dħul addizzjonali… jekk il-ħlas imurx kollu kemm hu għall-istaff, jinqasamx bejn l-impjegati, jew jekk jinżammx parti minnu jew kollu mill-istabbiliment.
U propju huwa hawn fejn il-GWU esprimiet it-tħassib serju tagħha dwar l-introduzzjoni ta service charge, l-iktar dwar in-nuqqas ta trasparenza. Għalhekk il-GWU ddikjarat ruħha minn qabel kontra kull attentat li s-servce charge jiddawwar f’mezz biex ikopri parti mill-paga tal-ħaddiema.
Għall-GWU, huwa prinċipju sagrosant li kull tibdil li jaffettwa d-dħul finanzjarju tal-ħaddiema, huma fejn huma u huma min huma, għandu jkun ibbażat fuq il-ġustizzja, it-trasparenza u r-rispett lejn id-drittijiet tal-ħaddiema u kif ukoll tal-konsumaturi. Dan il-prinċipju l-GWU mhu se tiċċaqlaq minnu qatt.
Il-GWU ttenni li s-salarji, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-benefiċċji kollha relatati mal-impjieg huma responsabbilta diretta ta’ min iħaddem u m’għandhom qatt ikunu dipendenti fuq ħlasijiet addizzjonali imposti fuq il-klijenti.
Il-GWU tenfasizza, għax hekk temmen, li l-benefiċċji li joħorġu minn kwalunkwe service charge għandhom propjament imorru għand dawk li fil-fatt ikunu qed jipprovdu s-servizz.


