Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (KSI) ħarġet sejħa għal offerti ffinanzjata mill-Unjoni Ewropea għad-disinn, il-provvista, l-installazzjoni, il-kummissjonar u l-konsenja ta’ impjant ġdid ta’ reverse osmosis (SWRO), fl-Impjant tar-RO eżistenti f’Pembroke. Il-valur stmat tas-sejħa huwa €10.2 miljun, esklużi t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT). L-impjant il-ġdid se jkollu kapaċità nominali ta’ produzzjoni ta’ 11,200 metru kubu ta’ ilma tax-xorb kuljum, b’potenzjal li jilħaq kapaċità massima ta’ mill-inqas 13,000 metru kubu kuljum, u b’hekk tiżdied il-kapaċità tal-impjant b’20%.
Din tiġi prodotta minn żewġ sistemi ta’ reverse osmosis indipendenti u identiċi. L-impjant SWRO eżistenti u t-tagħmir anċillari tiegħu jibqgħu kompletament operattivi matul l-installazzjoni, l-ittestjar u l-kummissjonar, sabiex il-produzzjoni ma tiġix affettwata matul ix-xogħlijiet.
Il-kuntratt jitwettaq skont il-kundizzjonijiet ta’ kuntratt tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Inġiniera Konsulenti (FIDIC) għal Plant and Design Build, u l-kuntrattur ikun responsabbli għax-xogħlijiet mekkaniċi u elettriċi kollha meħtieġa biex jitwassal l-impjant fil-kapaċità speċifikata.
“Din is-sejħa għal offerti żżid aktar kapaċità man-network tad-desalinizzazzjoni ta’ Malta u tifforma parti mill-Pjan Nazzjonali ta’ Investiment tagħna biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-produzzjoni tal-ilma tal-pajjiż,” qal Karl Cilia, Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Is-sejħa għall-offerti hija parzjalment iffinanzjata b’fondi tal-UE u tifforma parti mill-Pjan Nazzjonali ta’ Investiment tal-KSI, li se jara aktar minn €400 miljun jiġu investiti fl-infrastruttura tal-ilma ta’ Malta matul lgħaxar snin li ġejjin.
Din is-sejħa hija t-tieni waħda wara s-sejħa għal offerti li nħarġet dan l-aħħar għal impjant ġdid ta’ reverse osmosis f’Għar Lapsi, u tifforma parti minn programm usa’ biex tiżdied il-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ ilma frisk ta’ Malta b’madwar 81,000 metru kubu kuljum.
Għal aktar informazzjoni u d-dokumentazzjoni sħiħa tas-sejħa, l-operaturi ekonomiċi interessati jistgħu jżuru www.etenders.gov.mt.


