Saturday, November 16, 2024

315,964 passiġġier għaddew mill-Ajruport ta’ Malta f’Novembru li għadda

Aqra wkoll

F’Novembru li għadda għaddew mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta 315,964 passiġġier. Dan it-total isarraf fi tnaqqis ta’ 35.9% meta mqabbel mal-istess xahar fl-2019, u huwa l-persentaġġ ta’ tnaqqis l-aktar baxx li rreġistra l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta mill-bidu tal-pandemija sa issa.

Minn total ta’ 455,802 postijiet disponibbli fuq titjiriet minn u lejn l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, kważi 70% kienu okkupati matul ix-xahar ta’ Novembru. Is-seat load factor (SLF) għat-tliet xhur li għaddew baqa’ stabbli, hekk kif minn 70.2% f’Settembru 2021 niżel biss marġinalment għal 69.3% f’Ottubru u Novembru 2021.

Wara li r-Renju Unit baqa’ fil-quċċata tal-aqwa swieq tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta għal tliet xhur konsekuttivi, f’Novembru ċeda postu lis-suq Taljan, li kkontribwixxa 60,551 moviment tal-passiġġieri għat-traffiku totali tax-xahar. Wara nuqqas ta’ diversi xhur u t-tnedija tar-rotta Warsaw Modlin fil-bidu ta’ Novembru, is-suq Pollakk kellu prestazzjoni aħjar mis-suq Spanjol u reġa’ tela’ mal-aqwa ħamest iswieq tal-ajruport. Il-Ġermanja u Franza, min-naħa l-oħra, ma ċċaqilqux mill-pożizzjoni li kellhom ix-xahar ta’ qabel.

“Ir-riżultat tat-traffiku li ksibna f’Novembru laħaq l-aspettattivi tagħna. Madankollu, l-ivvjaġġar matul dan l-istaġun importanti tal-festi jiddependi ħafna fuq kif l-Ewropa ser tirrispondi għas-sitwazzjoni epidemjoloġika li qiegħda tiżviluppa u varjanti ġodda. L-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet aktar stretti u mhux uniformi tista’ twassal għal kunfidenza tal-konsumaturi aktar baxxa li jkollha effett mhux biss fuq l-ivvjaġġar bl-ajru f’Diċembru, iżda anki fl-2022,” qal il-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta Alan Borg.

Il-ġimgħa li għaddiet, Airports Council International esprima l-appoġġ tiegħu għas-sejħa li għamlet l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa (WHO) għal approċċ meqjus fir-rigward tal-varjant il-ġdid, wara li l-Organizzazzjoni appellat lill-pajjiżi sabiex ikomplu jadottaw approċċ li jqis ir-riskju involut jekk jimplimentaw miżuri marbutin mal-ivvjaġġar.

Ekonomija

Sport