Sunday, November 24, 2024

32 proġett fil-komunità ffinanzjati mill-Aġenzija LESA

Aqra wkoll

Tnediet skema oħra, mifruxa fuq tliet snin, li biha l-aġenzija LESA se talloka mat-tliet miljun ewro għal proġetti fil-komunitajiet imwettqa mill-kunsilli lokali. Il-proġetti proposti mill-kunsilli lokali stess, wara li jiġu evalwati, jingħataw allokazzjoni ta’ fondi mill-aġenzija LESA.

Fit-tliet snin li għaddew, il-LESA għaddiet madwar tliet miljun ewro fi skema simili biex jiġu ffinanzjati sittin proġett f’diversi lokalitajiet f’Malta u f’Għawdex. Dan filwaqt li għal din is-sena, il-LESA se tikkommetti kważi żewġ miljun ewro biex tiffinanzja tnejn u tletin proġett fil-gżejjer Maltin.

F’diskors waqt ċerimonja tal-għoti tal-fondi lil tnejn u tletin kunsill lokali, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri ta ħarsa lura lejn l-iskema li biha l-flus li l-aġenzija LESA ddaħħal mit-taħrikiet, wara li taqta’ l-ispejjeż, troddhom lura lill-komunitajiet. Qal li s-suċċess li nkiseb permezz tal-iskema fl-aħħar tliet snin wassal biex din tiġġedded biex tingħata saħħa akbar lill-kunsilli lokali u lir-residenti tal-lokalitajiet tagħhom.

“Bit-twettiq tal-proġetti mressqa mill-kunsilli lokali, l-aġenzija LESA qed tagħti sehemha biex, apparti li tkun attur fil-ħarsien tal-ordni, tkun ukoll parteċipi fit-titjib tal-kwalità u s-saħħa tan-nies permezz ta’ investiment fattwali permezz ta’ diversi proġetti li jitgawdew minn kulħadd,” stqarr il-Ministru Camilleri, filwaqt li spjega li dawn il-proġetti ivarjaw minn proġetti li jtejbu s-sigurtà tal-lokal, għal proġetti ambjentali u spazji miftuħa u anke dawk favur trasport għar-residenti permezz ta’ trasport nadif.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli laqgħet b’sodisfazzjoni dan l-ewwel ċiklu ta’ fondi f’din it-tieni skema għal proġetti ffinanzjati mil-LESA. Qalet kif dawn il-kunsilli lokali matul l-aħħar xhur ressqu l-proposti tagħhom sabiex illum irċevew konferma ta’ dawn il-proġetti li mistennija jsiru fix-xhur li ġejjin.

“Dawn huma fondi li daħlu mit-taħrikiet, iżda li l-aġenzija ma żammithomx għaliha, iżda qed terġa’ tagħtihom lura lill-komunitajiet tagħna f’proġetti ta’ fejda li se jgawdi minnhom iċ-ċittadin. Dawn il-proġetti nħolqu mill-kunsilli lokali stess, għax ħadd ħliefhom ma jaf il-lokalità aktar u kif ukoll il-ħtiġijiet u l-bżonnijiet tal-komunità rispettiva,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.

Għaċ-ċerimonja tal-għoti tal-ittri t’impenn finanzjarju lis-sindki tal-lokalitajiet li gawdew mill-fondi ta’ dis-sena kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-LESA, Svetlick Flores.

Sport