Tuesday, December 24, 2024

3,690 multa u twissija għal ksur ta’ liġijiet tal-iskart fl-ewwel seba’ xhur tas-sena

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Pulizija, l-Aġenzija LESA u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) jinsabu impenjati li jkomplu jinfurzaw ir-regolamenti tal-iskart u r-rimi illegali. Fil-fatt diġà nħarġu 3,690 multa u twissija għal ksur ta’ dawn il-liġijiet tal-iskart fl-ewwel seba’ xhur tas-sena.

Dan intqal f’kummenti li l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u l-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli taw lil dan is-sit meta mistoqsija dwar il-problema tal-iskart u x’qed isir biex din tkun imrażżna. 

Iż-żewġ Ministri sostnew li Gvern qiegħed jaħdem sabiex iwettaq il-Pjan fit-Tul għall-Immaniġġjar tal-Iskart 2021-2030, li ġie approvat hekk kif stipulat taħt id-Direttiva ta’ Qafas tal-Unjoni Ewropea dwar l-Iskart. Skont dan il-pjan, ir-responsabilità tal-ġbir u l-immaniġġjar tal-iskart domestiku hija delegata lill-Kunsilli Reġjonali. 

Fl-1 ta’ Jannar 2023, dan is-servizz ġdid ta’ mmaniġġjar ta’ skart fuq livell reġjonali beda jopera permezz ta’ kuntrattur għal kull wieħed mis-sitt reġjuni madwar Malta u Għawdex, taħt id-direzzjoni tal-istess reġjuni, bħala l-awtorità konċernata.

Din ir-riforma ġabet magħha wkoll il-ħolqien ta’ skeda nazzjonali għar-rimi tal-iskart domestiku, maħsuba apposta sabiex tħajjar aktar separazzjoni tal-iskart u tnaqqas id-dipendenza fuq il-borża s-sewda. 

F’April, il-Gvern nieda wkoll is-separazzjoni tal-iskart mandatorja għal kulħadd, b’multi li se jibdew jiġu imposti minn Ottubru għal dawk li jinqabdu ma jisseparawx l-iskart b’mod tajjeb. Ġiet varata wkoll kampanja ta’ tagħrif nazzjonali biex tfakkar lill-pubbliku dwar dawn l-obbligi ġodda. Dan filwaqt li għaddejjin l-ispezzjonijiet kuljum f’lokalitajiet differenti. 

Minn meta daħlu l-iskeda ġdida tal-ġbir tal-iskart u s-separazzjoni tal-iskart mandatorja daħlet fis-seħħ kien hemm titjib sinifikanti fl-iskart isseparat. Is-separazzjoni tal-iskart organiku waqt l-ewwel nofs ta’ din is-sena żdied b’35% meta mqabbel mal-2022, rekord ġdid għal Malta. 

“Madankollu, hemm bżonn aktar ħidma biex negħlbu sfidi li hemm f’ċertu nħawi u attivitajiet ekonomiċi,” qalu l-Ministri Owen Bonnici u Miriam Dalli. “F’dan ir-rigward, qed isiru diskussjonijiet bejn dawk kollha konċernati fosthom l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, il-Kunsilli Reġjonali, il-waste managers rispettivi, Sindki u għaqdiet tan-negozju.”

Intqal li hemm qbil ġenerali fost dawk kollha konċernati li Malta m’għandhiex tmur lura għas-sistemi ta’ ġbir ta’ skart ta’ qabel, għaliex is-separazzjoni tal-iskart hija mira importanti għas-sostenibilità ta’ pajjiżna, u għal ambjent aħjar għall-ġenerazzjonijiet tal-lum u t’għada. Kien hemm ukoll qbil li s-sistema u l-iskeda l-ġdida ta’ ġbir ta’ skart qed taħdem tajjeb f’ħafna lokalitajiet fis-sitt reġjuni, u ħafna djar u negozji adattaw għaliha mill-ewwel.

Madankollu, lokalitajiet partikolari qed jiffaċċjaw żieda fl-ammont ta’ boroż tal-iskart li jinħarġu fil-ġurnata ħażina, jew mhux fil-ħin. Dan qed joħloq sfidi fl-indafa u ż-żamma ta’ dawn l-inħawi. 

Osservazzjoni komuni li tqajmet mir-rappreżentanti ta’ dawn il-lokalitajiet hija l-preżenza ta’ ħafna propjetajiet li jinkrew għal żmien qasir (short let), fejn l-inkwilini jaf ma jkunux konxji tal-iskeda tal-ġbir tal-iskart. Għalhekk, hemm bżonn li dan is-settur jingħata l-appoġġ biex jiżgura li r-regolamenti tal-iskart jiġu osservati.

Il-Gvern qiegħed jara wkoll li jsaħħaħ l-isforzi ta’ aġenziji differenti tal-infurzar biex jintensifikaw l-azzjoni tagħhom biex iwaqqfu lil dawk li ma jimxux mal-liġi, u li qed jikkawżaw id-diffikultajiet li hemm f’ċertu lokalitajiet.

Finalment intqal li l-immaniġġjar tal-iskart huwa wkoll responsabiltà kollettiva u obbligu ta’ kulħadd, u l-Gvern se jkompli jaħdem f’din id-direzzjoni.

Ekonomija

Sport