Monday, May 6, 2024

Ilu jsalva l-klieb abbandunati u jikkurahom għal dawn l-aħħar 11-il sena

L-attivist tal-annimali fil-jum internazzjonali tal-klieb

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-Jum Internazzjonali tal-klieb huwa jum iddedikat lill-klieb kollha li jaħdmu biex joffru kumdità, sigurtà u saħansitra jsalvaw l-ħajjiet tagħna l-bnedmin. Sfortunatament, ikun hemm ukoll dawk li ma tantx ikunu apprezzati u jispiċċaw jgħixu l-maġġorparti ta’ ħajjithom fit-triq isofru l-ġuħ u l-mard.

Dan kien il-kumment li ta Ackerley Pace, attivist tal-annimali, lill-ġurnal L-ORIZZONT, fejn qal ukoll li ilu għal dawn l-aħħar 11-il sena jsalva u jikkura lill-annimali abbandunati, inkluż il-klieb. Kien hawn fejn Pace rrimarka li minn ta’ età żgħira beda juri l-imħabba tiegħu lejn l-annimali, speċjalment lejn il-klieb, tant li meta kien iżgħar għamel xi żmien  voluntier. 

Ma’ dan il-ġurnal kompla jispjega li hekk kif tfarfar iddeċieda li jkompli b’dan il-volontarjat. Minn dakinhar lil hawn mhux biss kiber fl-età, iżda anke fl-esperjenza, minħabba l-fatt li matul tfulitu kien jirċievi bosta telefonati mingħand in-nies biex imur u jsalva l-annimali li jkunu qed jitlajjaw fit-toroq. 

Fetaħ ukoll paġna fuq Facebook bl-isem ta’ ‘Angel for Paws’. Meta mistoqsi x’inhu l-għan ta’ dn il-paġna, Ackerley qal li ta’ spiss jitfa’ messaġġi u ritratti ta’ klieb u qtates li jsib fit-toroq intenzjonati għal dawk kollha li jkunu interessati sabiex jaddottaw xi kelb jew qattus. Kien hawn fejn stqarr li meta jmur u jara l-annimali li ma jkollhomx saqaf fuq rashom ikollu jaffaċċja sitwazzjonijiet differenti, bi wħud minnhom ikunu diffiċli ferm. 

Spjega wkoll li żewġ problemi li ta’ spiss ikollu jħabbat wiċċu magħhom huma: (i) li meta s-sid tal-kelb jitlef ħajtu, iċ-ċippa tal-kelb ma tistax tinqaleb għal għand sid ieħor, u li (ii) minkejja li jsiru rapporti meta s-sid tal-kelb ikun telaq mid-dar u jħalli lill-klieb id-dar waħidhom, ma tittieħed l-ebda azzjoni u b’hekk iċ-ċippa ma tkunx tista’ tinqaleb fuq ħaddieħor. 

B’referenza għall-qawl Malti, Pace qal li kull għajnuna hija mitqlu deheb. Huwa qal li minkejja l-isfidi kollha, dejjem jirnexxilu jsib l-għajnuna mingħand in-nies permezz tad-donazzjonijiet li jagħtu. Żied jgħid li bħalissa ‘Angel for Paws’ qiegħda tfittex persuna ta’ iktar minn 25 sena li għandha l-liċenzja biex issuq vann sabiex ikunu jistgħu jittrasferixxu l-annimali li jkunu qed jiġru fit-toroq għal post li qed jinkera minn Pace stess fejn joffri mħabba u ħajja xierqa lil dawn l-annimali.

Pace qal li l-pubbliku jista’ jagħti l-għajnuna billi jikkontribwixxu b’għajnuna finanzjarja jew inkella billi jagħtu l-fliexken tax-xorb vojta sabiex l-10c tal-BCRS ikunu jistgħu jissarrfu għal affarijiet essenzjali bħalma huwa  l-ikel.

Meta mistoqsi x’messaġġ jixtieq iwassal lill-pubbliku, huwa qalilna dan il-kliem preċiż: “Ieqfu abbandunaw lill-klieb u l-qtates. Taħqruhomx. Anzi, ħobbuhom għax bla ma tafu jtukom mħabba li diffiċli biex tiddeskriviha!” 

Sport