Friday, May 3, 2024

Iħobb jimxi f’distanzi twal minkejja l-età tiegħu

Aqra wkoll

Raymond Aquilina għandu 70 sena u hu magħruf sew ma’ sħabu bħala bniedem avventuruż u li ma jaqta’ qalbu qatt. L-aktar passatemp għal qalb Raymond huwa l-mixi. Mhux mixi fil-qosor iżda f’distanzi twal.

Ilu jagħmel dan kollu għal għexieren ta’ snin u dejjem sab skop għalxiex jimxi… jekk mhux għall-gost saħansitra biex jiġbor xi flus għall-karità. Dan il-ġurnal ħa l-kummenti ta’ Raymond Aquilina fejn spjegalna kif bdiet l-imħabba tiegħu għall-mixi f’distanzi daqstant twal. 

“Niftakar li kelli dawk it-22 sena u konna grupp ta’ ħbieb li nħobbu nimxu. Konna nagħmlu dan b’mod spontanju u fuq kollox ġieli ħadna sehem f’xi camping. Darba fost l-oħrajn kont mort f’Edinburgh fejn hemmhekk hemm postijiet li għandhom pajsaġġ mill-isbaħ u fejn tista’ timxi fit-tul. Niftakar li konna tgħaxxaqna bil-ġmiel li kien hemm u kien għalhekk li bdejna nimxu fit-tul mingħajr ma qgħadna nħarsu lejn il-ħin. Minn hemm ‘il quddiem bqajna għaddejjin u l-avventuri ma naqsux.”

Aquilina kellimna wkoll dwar il-famuża mixja El Camino de Santiago fi Spanja li ssir fir-reġjun tal-Galicia. Hu tant jogħġbu dan it-traġitt li kien iddeċieda li jagħmilha kull sena.

Iżda minkejja l-età tiegħu, Aquilina ma jaqtax qalbu u jiddeskrivi lilu nnifsu bħala qalb ta’ żagħżugħ. “Jien nipprattika s-sena kollha u mmur nimxi. Meta tagħmlu rutina, l-oġġett isir parti minnek, il-ġisem jidra u kollox jibqa’ għaddej. Jien barra minn Malta nimxi ħafna u la saqajja għadhom ituni, nibqa’ nagħmel dak li nħobb.”

Iżda f’Malta hemm postijiet siguri fejn wieħed jimxi? “Hemm widien u toroq li huma l-ġmiel tagħhom u fejn verament tieħu gost timxi. Malta hi gżira żgħira u għalhekk hemm limitazzjonijiet u ftit għażla. Tispiċċa tirrepeti mixjiet matul is-sena għalkemm hemm toroq li hu obbligatorju għalija li naħgmilhom. Inkun ma’ grupp iżda waħdi naħseb iktar inħoss dak is-sens ta’ libertà li naqbad it-traġitt tiegħi.”

Hu jsemmilna xi toroq li normalment jaqbad bħal eżempju l-Bajja ta’ San Ġorg lejn Triq il-Kosta u Burmarrad jew inkella mill-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali għar-Rabat, Ħad-Dingli, Il-Fawwara u s-Siġġiewi.

Erġajna semmejnielu El Camino de Santiago. Kif jirnexxielu jagħmel traġitt daqshekk twil? “El Camino de Santiago hemm diversi rotot li jibdew ta’ ‘l fuq minn 1,000 kilometru u b’kollox hemm 30 rotta differenti. Ħafna drabi ssib speċi ta’ kunsill lokali tar-reġjuni li jipprovdu postijiet fejn wieħed jista’ jistrieħ, xi kmamar bil-bunk beds u fejn wieħed iqatta’ l-lejl.”

Ovvjament wieħed irid jaqsam it-traġitt minħabba d-distanza għalkemm ġeneralment jien nibda nimxi wara s-sebgħa ta’ filgħodu. Jekk ikun hemm ħanut tal-ikel, inħobb nieħu l-kolazzjon hemm u barra minn hekk inġorr ktieb miegħu u għandi wkoll applikazzjoni fuq il-mobile li biha nkun naf fejn qiegħed.”

“Ta’ min jgħid li jien inġorr basket miegħi u għalhekk ġieli jkolli tliet kilogrammi ta’ affarijiet jien u miexi. Jien bniedem indipendenti ħafna u dejjem nara li l-affarijiet ikunu fuqi biex jekk nibdel ir-rotta jew il-programm, ma jkunx hemm problemi.”

Raymond Aquilina jgħidilna li jipprepara mentalment u psikoloġikament qabel xi mixja twila. Hu jistqarr li l-moħħ jibda jidra u fuq kollox kemm meta jkun ma’ xi ħabib kif ukoll meta jkun waħdu jara li jipprepara sabiex jagħmel xi 25 kilometru. Dan kollu iżda jiġih naturali u għalhekk ikollu dak is-sens ta’ pożittività għax il-moħħ jiffunzjona tajjeb u fuq kollox skont Raymond, l-isport itik sens ta’ dixxiplina .

Raymond Aquilina għandu għal qalbu ħafna l-filantropija u l-għajnuna li jħobb jagħti lill-għaqdiet fil-bżonn. Waħda mill-iktar għaqdiet għal qalbu hi proprju l-CARITAS fejn ġieli ġabar xi flus għall-bżonnijiet tar-residenti jew nies li jiffrenkwentaw dan il-post. 

“Ta’ spiss norganizza attivitajiet permezz ta’ mixjiet solitarji jew fi grupp sabiex niġbor fondi għal dawk kollha li jiġu bżonn il-CARITAS.”

“Normalment nibda billi nagħmel xi avviżi fuq Facebook li se nkun qed norganizza xi attivita’. Ikun hemm drabi fejn immur fuq xi programm tat-televixin fuq l-istazzjonijiet ewlenin lokali sabiex inħabbar u nagħti dettalji x’għandi f’moħħi. Inħobb ukoll noħroġ avviżi permezz ta’ karti sabiex kulħadd ikun jaf li se norganizza xi attivitajiet. Kif jgħidu l-għajta nofs il-bejgħ!”

Meta normalment Raymond ikun qed jagħmel El Camino de Santiago għall-karita’ mhux darba jew tnejn li jħobb jikteb kif ikun jinsab fuq Facebook u dan kollu jkun akkumpanjat b’xi ritratti u mappa tal-mixja li jkun għamel. Dan jagħmlu għax il-passjoni li għandu lejn il-mixi hi waħda kbira.

Finalment Raymond xtaq iwassal messaġġ lil dawk in-nies partikolarment anzjani tamparu dwar il-benefiċċju tal-mixi.

“L-ewwelnett il-mixi ma jinvolvix xi movimenti ta’ barra minn hawn. Kulħadd jista’ jimxi kemm jekk distanzi qosra kif ukoll jekk distanzi twal. L-importanti hu li bniedem ma jaqtax qalbu u jipprova. Dan jgħodd mhux biss għal nies tampari iżda anke iżgħar fl-eta’. Ninnota li ħafna jaqtgħu qalbhom anki li jimxi tliet kantunieri u dan m’għandux ikun il-każ.”

“Ġaladarba tibda timxi, int idderri lil ġismek u ftit ftit tibda ma taqtax qalbek. Min imbagħad iħobb il-kumpanija, wieħed jista’ jimxi waħdu u x’hemm isbaħ milli tgħid kelma ma’ xi ħadd iżda fl-istess ħin tagħmel l-eżerċizzju?”

“Fl-aħħarnett meta bniedem jimxi jkun qed iżomm ruħu attiv, ma jintelaqx, ikun hemm skop u xi kultant objettiv, u moħħok jibqa’ dejjem frisk għax int qed tesperjenza l-iktar affarijiet sbieħ li toffri l-ħajja.”

Sport