Fl-aħħar jiem, 45 persuna mill-Albanija, min-Nepal, mis-Sirja, min-Niġerja, mill-Ghana u mill-Mali, ġew miżmuma mill-Pulizija wara li nstabu jgħixu u jaħdmu fil-pajjiż b’mod irregolari.
Dawn il-persuni ġew imwaqqfa waqt kontrolli tat-traffiku koordinati li saru f’numru ta’ lokalitajiet fosthom f’Raħal Ġdid u f’Burmarrad.
Inħarġu wkoll akkużi fil-konfront ta’ żewġ xufiera li nstabu jsuqu mingħajr liċenzja tas-sewqan valida. Transport Malta neħħiet ukoll mit-triq karozzi li nstabu mingħajr liċenzja u polza tal-assigurazzjoni. Dan filwaqt li JobsPlus qed tinvestiga wkoll persuni b’rabta ma’ impjiegi irregolari lil ħaddiema barranin.
L-uffiċjali tal-Infurzar minn Transport Malta flimkien mal-Pulizija ħarġu wkoll diversi kontravenzjonijiet fil-konfront ta’ xufiera b’rabta ma’ nuqqas ta’ ħarsien tal-liġijiet tat-traffiku u jew b’rabta ma’ vetturi li ma kinux konformi mal-liġi.
Jassistu f’dawn l-operazzjonijiet kien hemm ukoll uffiċjali mill-Aġenzija għas-Servizzi ta’ Detenzjoni u Identità.
Il-persuni kollha li nstabu jgħixu fil-pajjiż b’mod irregolari inżammu f’ċentru ta’ detenzjoni sakemm jiġu ripatrijati fil-pajjiż tal-oriġinu tagħhom jew fil-pajjiż li jistgħu jirrisjedu fih.
Din hija parti minn ħidma kontinwa mill-awtoritajiet kontra l-abbuż u favur aktar sigurtà.