Tuesday, April 1, 2025

46 SENA MILL-KISBA TAL-ĦELSIEN

Aqra wkoll

Illum qed niċċelebraw mument ieħor storiku fl-istorja twila ta’ ġensna. Jum li fih qed nimmarkaw is-46 anniversarju minn meta Malta kisbet il-ħelsien sħiħ tagħha millforzi militari barranin. Din il-ġrajja storika hija wkoll parti mill-mixja twila, iebsa u mimlija sfidi li l-poplu Malti kellu jgħadda minnha biex jikseb il-libertà u l-awtonomija tiegħu. Kien il-qofol tal-proċess li wassal biex ħadna rajna f’idejna. 

Il-General Workers’ Union, għax emmnet fil-ħiliet tal-ħaddiem, kellha rwol sinfikanti f’dan l-iżvilupp politiku fejn kienet strumentali biex Malta tilħaq il-ħelsien sħiħ tagħha. Storikament, it-triq għall-kisba talħelsien twittiet f’April tal-1958 meta dakinhar il-GWU sejħet strajk ġenerali biex tieqaf u tiġġieled l-arroganza ta’ gvern kolonjali li ried itellef l-għajxien lill-eluf ta’ ħaddiema Maltin tat-Tarzna. 

Kien ukoll ħolqa fil-katina ta’ ġrajjiet li wasslu għall-Indipendenza vera u wara għall-Ħelsien. Wara din il-ġrajja, saru riformi kbar li biddlu lil Malta ekonomikament u soċjalment. Din il-ġrajja tat prova li l-poplu Malti kien kapaċi juri li Malta setgħet tfendi għal rasha mingħajr l-għajnuna tal-ħakma barranija. Madanakollu llum, 46 sena wara din il-ġrajja storika, x’nifhmu bih il-ħelsien? 

Aħna nemmnu li s-sinjifikat ta’ dan il-jum huwa ferm ikbar minn dak li kien sa ftit ilu. Dan għaliex fil-kuntest ta’ dak li qed jiġri llum, kif qal tajjeb il-Prim Ministru Robert Abela f’intervista li saritlu ftit tal-jiem ilu, ir-rilevanza ta’ Jum il-Ħelsien kibret ħafna għax in-newtralità u l-paċi huma importanti minħabba l-gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja kif ukoll fil-Lvant Nofsani. 

F’dan ir-rigward, il-Gvern diġà bagħat messaġġi b’saħħithom u kien ċar, anke fil-fora internazzjonali, li Malta hi favur il-paċi u kontra l-gwerer, u li mhux se tkun qed tieħu sehem fl-inizjattiva ta’ self għax-xiri tal-armi u l-munizzjon proposta mill-UE. Il-Gvern qed ikompli wkoll juri bl-azzjoni kif mhux se jinvesti fil-gwerer u dan billi joffri għajnuna umanitarja. 

Tant li fil-jiem li ġejjin, se jinġiebu f’Malta tfal minn Gaża biex jingħataw kura medika. Nemmnu għalhekk li f’dan il-jum hu tajjeb li mhux biss nirriflettu imma li nġeddu l-impenn tagħna biex inkomplu naħdmu għal Malta li tħaddan il-paċi, il-ġustizzja, in-newtralità u s-sostenibilità soċjali. Lil hinn minn dan kollu, aħna konvinti li pajjiżna kif affaċċja l-isfidi li għaddew, lest jaffaċċja l-isfidi tal-ġejjieni.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport