Tuesday, September 22, 2026
Home Fehmietna L-EWWEL BUDGET TA’ DIN IL-LEĠIŻLATURA

L-EWWEL BUDGET TA’ DIN IL-LEĠIŻLATURA

0
76

Tħabbret uffiċjalment id-data li fiha se jiġi ppreżentat il-Budget 2027. Budget li hemm stennija kbira għalih u li se jkun l-ewwel wieħed li l-Gvern qed iressaq f’din il-leġiżlatura. Għalkemm baqa’ aktar minn xahar, billi l-Budget li jmiss se jitħabbar fis-26 t’Ottubru, diġà ngħataw xi indikazzjonijiet dwar x’għandna nistennew minnu. 

L-aktar sinjal b’saħħtu ngħata mill-Prim Ministru Robert Abela nnifsu meta reġa’ ta garanzija li l-għajnuniet marbuta mal-enerġija u mal-fjuwils se jibqgħu fis-seħħ. Għalhekk, minkejja s-sitwazzjoni ġeopolitika attwali, dan il-Gvern se jerġa’ jkun ta’ sostenn għall-poplu, għall-industrija, għas-settur tal-kummerċ u għal kulħadd. 

Il-Budget għas-sena d-dieħla huwa wieħed mill-aktar mumenti importanti fil-ħidma tal-Gvern, għaliex permezz tiegħu jiġu stabbiliti l-prijoritajiet ekonomiċi u soċjali għall-perjodu li ġej. Fl-isfond ta’ dan kollu, u kif qal ukoll il-Prim Ministru, il-Budget tas-26 t’Ottubru se jkun l-aqwa prova tas-saħħa u r-reżiljenza tal-ekonomija Maltija.

Intant, f’dawn il-ġimgħat, il-Gvern għaddej bi proċess ta’ konsultazzjoni ma’ diversi setturi, fosthom in-negozji żgħar u medji, it-turiżmu u l-professjonisti tas-saħħa. 

Għan-nies, l-importanza tal-Budget tinħass direttament fil-ħajja ta’ kuljum. Dan qed ngħiduh għax nemmnu li l-miżuri li jiġu mħabbra jistgħu jaffettwaw id-dħul tal-familji, it-taxxi, il-benefiċċji u l-pensjonijiet, is-servizzi pubbliċi, l-edukazzjoni, is-saħħa, l-infrastruttura u l-għajnuna li tingħata lil dawk li l-aktar għandhom bżonnha.

Fl-istess waqt, il-Budget għandu jħares lil hinn mis-sena li ġejja. L-ekonomija ma tistax titmexxa biss bil-ħsieb tal-lum, iżda teħtieġ ippjanar fit-tul li joħloq aktar stabbiltà u opportunitajiet għall-ġenerazzjonijiet futuri. Għalhekk, il-Budget 2027 jista’ jitqies bħala opportunità biex it-tkabbir ekonomiku jkompli jiġi tradott f’kwalità ta’ ħajja aħjar. 

Il-familji jistennew miżuri li jagħtuhom aktar sigurtà, il-ħaddiema jistennew li l-progress ekonomiku jasal għandhom ukoll, filwaqt li ż-żgħażagħ iridu jaraw aktar opportunitajiet biex jistudjaw, jaħdmu, jinvestu u jibnu l-futur tagħhom f’pajjiżhom.

Fl-aħħar mill-aħħar, l-importanza vera tal-Budget tinsab fil-mod ta’ kif id-deċiżjonijiet li jittieħdu llum jinfluwenzaw il-ħajja tan-nies għada. Għalhekk, Budget li jiffoka fuq l-ekonomija, is-servizzi soċjali, is-saħħa, l-edukazzjoni, il-ħaddiema, il-familji u l-investiment għandu jkun parti minn viżjoni usa’ għal Malta li tħares mhux biss lejn il-bżonnijiet immedjati, iżda wkoll lejn il-pedamenti tal-futur.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here