It-tifun Dujuan laqat lil Tokyo – il-kapitali tal-Ġappun – b’saħħa kbira, u huwa mbassar li dan se jġib miegħu ammont rekord ta’ xita.
Il-midja internazzjonali rrapportat li aktar minn 1.9 miljun persuna madwar sitt prefetturi ngħataw ordnijiet ta’ evakwazzjoni filwaqt li xejn inqas minn 50,000 residenza spiċċa bla dawl.
F’Kanagawa, mara aktarx indifnet ħajja wara li valanga ta’ ħamrija għaffġet residenza. Intant, f’Chiba, raġel ittieħed l-isptar wara li nqabad waqt li kien qed jgħin biex jitneħħa d-debris.
Madwar 300 titjira ġew ikkanċellati, u xi servizzi tal-ferroviji ġew sospiżi.
It-tifun Dujuan ġab miegħu riħ ta’ 130 km/h (80.8 mph) u buffuri li jilħqu l-194 km/h.
Din il-maltempata hi l-aħħar waħda minn sensiela ta’ maltempati li qed jolqtu l-Paċifiku, u li saru aktar intensi minħabba l-fenomenu “Super El Niño” ta’ din is-sena. Dan saħħan l-oċean u kkontribwixxa għall-formazzjoni ta’ aktar maltempati.




