Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Glenn Bedingfield ħabbar inizjattiva ġdida biex jiġu eżaminati l-liġijiet li jirregolaw is-settur tal-piroteknika f’pajjiżna.
Waqt l-ewwel episodju tal-podcast tiegħu, ‘Bedingfield Straightforward’, il-Ministru spjega li se jitwaqqaf kumitat apposta, li se jkun taħt it-tmexxija tal-eks Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi, bil-għan li jagħti ħarsa komprensiva lejn il-qafas legali eżistenti.
Il-Ministru saħaq li din l-inizjattiva bla ebda mod m’għandha l-għan li telimina jew tnaqqas l-importanza tat-tradizzjoni piroteknika li ilha parti mill-kultura Maltija.
Għall-kuntrarju, il-Ministru Bedingfield saħaq li l-għan huwa li din it-tradizzjoni tkun tista’ tkompli tiġi pprattikata u apprezzata, filwaqt li tingħata aktar attenzjoni lis-sigurtà ta’ kulħadd, partikolarment ta’ dawk li jaħdmu direttament fil-qasam tan-nar.
Irrimarka li l-kumitat mistenni jisma’ l-fehmiet u l-esperjenzi tal-persuni u l-entitajiet kollha involuti fil-qasam tal-piroteknika. Dan se jsir bil-għan li jiġu identifikati eventwali oqsma fejn il-liġijiet jistgħu jiġu aġġornati jew imsaħħa u b’hekk jinħoloq bilanċ bejn il-ħarsien ta’ din it-tradizzjoni u l-ħtieġa li jiġu garantiti standards għolja ta’ sigurtà.
B’dan il-proċess, il-Gvern qed jimmira li jkompli jħares lejn il-futur tal-piroteknika b’mod responsabbli, filwaqt li jiżgura li tradizzjoni tant marbuta mal-festi u mal-identità kulturali ta’ Malta tkun tista’ tkompli tgħaddi minn ġenerazzjoni għal oħra f’ambjent aktar sigur.
