Malta tinsab fuq quddiem nett fl-Unjoni Ewropea fejn jidħol l-użu tat-trasport pubbliku

Aqra wkoll

Malta tinsab fuq quddiem nett fl-Unjoni Ewropea fejn jidħol l-użu tat-trasport pubbliku, b’sehem importanti tal-karozzi tal-linja, il-coaches u t-trolleybuses fil-vjaġġi li jsiru f’pajjiżna.

Skont dejta ppubblikata mill-Eurostat, l-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, matul l-2024, dawn il-mezzi ta’ trasport kienu jammontaw għal 17% tal-vjaġġi kollha f’Malta. Dan kien l-ogħla persentaġġ irreġistrat fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.

Din id-dejta ġiet ippubblikata fil-kuntest tal-Ġimgħa Ewropea tal-Mobbiltà, inizjattiva li tiffoka fuq l-importanza li jiżdied l-użu ta’ mezzi ta’ trasport aktar sostenibbli u li jitnaqqas id-dipendenza fuq il-karozzi privati.

Wara Malta ġew l-Irlanda b’sehem ta’ 16.6% u l-Ungerija bi 15.3%, u b’hekk pajjiżna kellu l-ogħla rata ta’ użu ta’ dawn il-mezzi ta’ trasport fl-UE.

Minkejja dan, il-karozza privata għadha l-mezz ewlieni ta’ trasport fl-Unjoni Ewropea Iċ-ċifri juru wkoll li Malta għandha pożizzjoni prominenti fir-rigward tat-trasport bil-baħar. Fl-2024, 2.4% tal-vjaġġi f’Malta saru permezz tat-trasport marittimu, li poġġa lil pajjiżna fit-tieni post fost l-Istati Membri. L-Estonja kienet fuq quddiem b’2.7%, filwaqt li l-Kroazja segwiet lil Malta b’2.3%.

Interessanti wkoll hija ż-żieda fl-użu tal-ferroviji madwar l-Unjoni Ewropea. Fl-2024, il-ferroviji kienu jammontaw għal 7.5% tal-vjaġġi, żieda ta’ 0.3 punti perċentwali meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. Għall-ewwel darba mill-2014, is-sehem tal-ferroviji qabeż dak tal-karozzi tal-linja, il-coaches u t-trolleybuses, li kien ta’ 7.3%.

Id-dejta għalhekk tagħti stampa ċara tal-mod kif qed jevolvu d-drawwiet tal-ivvjaġġar fl-Ewropa. Filwaqt li l-karozzi għadhom jokkupaw l-akbar sehem, mezzi alternattivi bħall-ferroviji u t-trasport pubbliku qed ikomplu jkollhom rwol importanti fil-mobbiltà tal-Ewropej.

Meta wieħed iqabbel l-2024 mal-2014, jirriżulta li s-sehem tal-ivvjaġġar bil-karozzi fl-UE naqas b’2.9 punti perċentwali. Fl-istess perjodu, l-użu tal-karozzi tal-linja, il-coaches u t-trolleybuses naqas b’1.3 punti perċentwali.

F’dan il-kuntest, iċ-ċifri juru l-importanza li jkompli jiġi promoss trasport pubbliku effiċjenti u sostenibbli, b’aktar nies jingħataw l-opportunità li jagħżlu mezzi alternattivi għall-karozza privata.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport