Il-ġrajja li seħħet 62 sena ilu, meta pajiżna kiseb formalment l-Indipendenza, taqbel jew ma taqbilx magħha, kienet l-ewwel pass tanġibbli lejn l-emanċipazzjoni kostituzzjonali, politika u ekonomika tal-poplu Malti. Kienet ġrajja wkoll li mmarkat il-bidu t-tluq ta’ pajjiżna minn ħakma kolonja għal stat sovran immexxi minn niesna għal niesna.
Wara 62 sena minn din il-ġrajja, huwa tajjeb li nirriflettu ftit dwar x’inhi t-tifsira vera tal-Indipendenza llum. Ikun tajjeb ukoll li nfittxu biex naraw kemm il-ġenerazzjoni żgħażugħa hija konxja tal-ġrajja storika ta’ Settembru 1964 u x’rilevanza politika kellha għal pajjiżna maatul is-snin Dawn huma kurżitajiet li jitqanqlu meta jasal jum iċ-ċelebrazzjoni tal-Indipendenza.
Huwa essenzjali li ż-żgħażagħ tal-lum, ikunu konxji tal-ġlidiet li pajjiżna kellu jgħaddi minnhom biex illum jinsab fejn jinsab. Bla dubju, il-poplu kollu għandu jirrispetta u jkun kburi b’kull festa nazzjonali. Dawn ilkoll kitbu l-istorja u sawwruna bħala ġens ta’ nazzjon.
Il-ġejjieni li rridu nibnu flimkien għal dawk li ġejjin warajna huwa f’idejna. Dan ifisser illi dak li nagħmlu llum huwa responsabbiltà tagħna u għaldaqstant għandna d-dmir u l-obbligu li l-ġenerazzjonijiet futuri ngħaddulhom pajjiż sod fil-prinċipji li dejjem ħaddan – is-sliem u l-prosperità.
Għalhekk, it-twittija tat-triq biex dan iseħħ illum hija f’idejna u tiddependi fuq id-deċiżjonijiet li nieħdu. It-triq mhijiex waħda faċli imma konvinti li bl-għaqda bejnietna lkoll flimkien naslu biex negħlbu kull sfida li taffaċjana bħala poplu wieħed, newtrali u sovran.
Għalhekk, huwa essenzjali li bħala poplu wieħed nitbegħdu minn kull pika aggressiva u minn kull xorta ta’ mibgħeda. L-għaqda hija kulma għandu bżonn pajjiżna. Dan nemmnuh bis-sħiħ għaliex bl-għaqda fost il-poplu, Malta tagħna tkun tista tkompli tkattar il-ġid li minnu jgawdu kulħadd.
Pajjiżna llum huwa repubblika, huwa sovran, newtrali u ħieles. Għaldaqstant huwa obbligu tagħna li dan il-pajjiż inħalluh hekk kif inhu għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Kif missirijietna ħadmu fl-imgħoddi biex bnew dan il-pajjiż li għandna llum, hekk ukoll aħna għandna nassiguraw li l-ġejjieni tal-poplu Malti u Għawdxi jkun imsejjes fuq kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd.
