Lejla fil-Park tagħti bidu għall-Jiem ta’ Azzjoni favur l-Iżvilupp Sostenibbli 2026

Aqra wkoll

Lejla fil-Park reġgħet irritornat għall-ħames edizzjoni tagħha fil-Park ta’ San Klement f’Ħaż-Żabbar, fejn immarkat it-tnedija tal-Jiem ta’ Azzjoni Favur l-Iżvilupp Sostenibbli ta’ Malta 2026 bit-tema “Minn Ideat għall-Impatt”.

Organizzat mid-Direttorat għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-avveniment laqqa’ flimkien familji, għaqdiet volontarji, assoċjazzjonijiet sportivi, entitajiet governattivi u membri tal-pubbliku għal serata ddedikata għas-sostenibbiltà, l-involviment fil-komunità u r-rikreazzjoni fi spazji miftuħa.

Il-pubbliku gawda minn programm varjat ta’ attivitajiet edukattivi, kulturali u interattivi, inkluż dimostrazzjonijiet sportivi, attivitajiet għat-tfal, inizjattivi ta’ għarfien ambjentali u stands informattivi li ppreżentaw prattiċi sostenibbli u servizzi għall-komunità.

Il-Ministru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli rrikonoxxiet is-suċċess kontinwu ta’ din l-inizjattiva u l-parteċipazzjoni qawwija tal-pubbliku li tattira kull sena. “Lejla fil-Park hija eżempju ċar ta’ kif, permezz ta’ attivitajiet miftuħa għall-pubbliku, nistgħu nġibu s-sostenibbiltà eqreb tan-nies. Avvenimenti bħal dan mhux biss iħeġġu lill-familji jagħmlu użu mill-ispazji miftuħa tagħna, iżda wkoll jgħinu biex jiżdied l-għarfien dwar għajxien sostenibbli u jsaħħu l-impenn kollettiv tagħna lejn futur aħjar għal kulħadd”, qalet il-Ministru Dalli.

Id-Direttur Ġenerali għall-Iżvilupp Sostenibbli, Francine Pace Caruana, enfasizzat l-importanza ta’ inizjattivi bħal Lejla fil-Park biex iqarrbu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli lejn il-pubbliku u jħeġġu parteċipazzjoni aktar attiva. Hija nnutat li l-ħsieb ta’ dan l-avveniment huwa mibni fuq t-tema tal-Jiem ta’ Azzjoni Favur l-Iżvilupp Sostenibbli 2026, “Minn Ideat għall-Impatt”, billi juri kif ideat innovattivi jistgħu jinbidlu f’azzjonijiet konkreti li jagħmlu differenza pożittiva fil-ħajja ta’ kuljum.

Il-Jiem ta’ Azzjoni Favur l-Iżvilupp Sostenibbli ta’ Malta 2026 jiffurmaw parti mill-European Sustainable Development Week (ESDW), inizjattiva Ewropea li tippromwovi attivitajiet, proġetti u avvenimenti li jappoġġjaw l-iżvilupp sostenibbli. Bejn it-18 ta’ Settembru u t-8 ta’ Ottubru 2026, dawn il-jiem se jinkludu għadd ta’ attivitajiet organizzati minn entitajiet governattivi, organizzazzjonijiet mhux governattivi, negozji, kunsilli lokali, istituzzjonijiet edukattivi u gruppi fil-komunità madwar Malta u Għawdex. Permezz ta’ programm varjat ta’ avvenimenti, l-inizjattiva tenfasizza kif l-ideat jistgħu jinbidlu f’azzjonijiet konkreti li jwasslu għal futur aktar sostenibbli.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport