Ħamsin sena ilu kien hemm il-Konferenza dwar is-Sigurta’ u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa li saret fil-Fillandja. Is-sehem ta’ Malta kien importanti għaliex għall-ewwel darba l-Ewropa kellha tibda tqis li l-Mediterran imiss u jaffettwa l-Ewropa. Dan ma sarx waħdu imma għaliex il-mexxej ta’ Malta ta’ dak iż-żmien, Dom Mintoff, mhux talli tkellem fuq il-ħtieġa li l-Ewropa tibda tħares lejn il-Mediterran imma kien lest li jieħu azzjoni jekk dan ma jsirx.
Għalija hemm żewġ tagħlimiet – l-ewwel li l-paċi ma tiġix sempliċiment billi jien ngħid li nemmnu fil-paċi jew bis-sanzjonijiet jew billi nissupplixxi naħa minnhom bl-armi, imma billi nlaqqgħu ż-żewġ naħat, biex jitkellmu u jifhmu lil xulxin. Il-paċi għada ‘l bogħod għax l-Ewropa m’hix interessata fiha imma fil-poter. Li kieku jemmnu fil-paċi, kieku jippruvaw ilaqqgħu liż-żewġ partijiet flimkien biex kull naħa tisma’ u tifhem dak li qed idejjaq lin-naħa l-oħra u nressquhom biex jinnegozjaw. Din mhix xi ħaġa stramba għaliex kull wieħed minna dak li jagħmel biex jimxi tajjeb mal-ġirien.
Niftakru wkoll li biex l-Ewropa bdiet tagħti kas tal-paċi fil-Mediterran, Malta kellha tisforza lill-Ewropa biex tieħu dan il-pass billi qalet li jekk ma jsirx hekk hi ser tħaddem il-veto. Dan ikompli jinforza li jekk Malta trid verament il-paċi, trid tisforza biex l-Ewropa tiċċaqlaq u tara kif tressaq liż-żewġ naħat ma xulxin. Sfortunatament, illum l-Ewropa mhux dak li għandha f’moħħha imma li ġġib lil kulħadd fil-pożizzjoni tagħha – dik li l-gwerra tkompli. Għalhekk qed jaraw kif jistgħu jagħmlu sanzjonijiet fuq dawk il-pajjiżi li ma applikawx is-sanzjonijiet li imponiet hi. Dan mhux paċi jġib, imma qasma akbar fid-dinja.
Flus għal aktar ġlied
‘Il fuq semmejt li l-EU trid aktar ġlied u mhux paċi. Faċli narawh għaliex il-pajjiżi tal-UE qed jiddeċidu biex jagħtu b’20 biljun euro armi lill-Ukranja biex ikomplu l-gwerra. Tajjeb niftakru li l-gwerra mhux qegħda fuq film imma realta’ li jfisser li eluf ta’ bnedmin oħra ser jitilfu ħajjiethom għaliex l-armi mhux qegħdin biex inżejnu bihom imma biex joqtlu lin-nies, sew suldati u sew nies innoċenti. Biss jekk naraw r-reazzjoni x’ser tkun, insibu li n-naħa l-oħra mhux ser joqogħdu idhom fuq żaqqhom imma ser joħorġu aktar flus biex jikkumbattu lill-oħrajn ukoll. Dan ifisser li l-konsegwenzi li ser iġibu dawn il-flus ser ikunu ħafna akbar. Il-biża’ hi li jekk din il-gwerra ser tibqa’ sejra, tista’ tieħu forma aktar severa b’konsegwenzi ħafna aktar ħorox.
Il-konsegwenzi
Il-konsegwenzi huma ħafna akbar. Skont l-aħħar informazzjoni r-Russja ddeċidiet li mhux ser testendi il-ftehim li kien hemm biex il-qamħ mill-Ukranja jkun jista’ joħroġ mingħajr inkwiet mill-Baħar l-Iswed. Dan ifisser li hemm ċans kbir li l-prezz tal-qamħ jerġa’ jitla’ ‘l fuq. Għalkemm l-Ewropa tgħid li dawk li ser ibatu huma l-Afrikani, il-pajjiżi Ewropej ser ibatu wkoll għaliex parti minn dan il-qamħ fl-Ewropa jispiċċa. B’hekk, sew jien u sew int ser nbatu.
Konsegwenza oħra hi mingħand min ser jinġabru dawn il-flus li ser imorru għall-armi? Parti minnhom ser jieħduhom minn fondi li kienu lesti biex jitqassmu lill-pajjiżi Ewropej. Imma issa l-UE diġa’ qed tara kif ser tiġbor aktar flus mingħandi u mingħandek. Waħda minnhom hi s-suġġeriment riċenti li ser jibdew idaħħlu d-dazju fuq oġġetti li jiswew anqas minn 150 euro. Dan ifisser li dawn il-flus ser jibdew jiġbruhom mingħandi u mingħandek, għaliex aħna li nixtru oġġetti minn barra l-Ewropa ta’ anqas minn 150 euro. In-negozji mhux ser jintlaqtu għaliex dawn żgur li meta jimportaw l-affarijiet, jimportaw aktar minn 150 euro u għalhekk mhux ser jiżdied dak li kienu jħallsu. Azzjoni simili diġa’ ġrat. Ftit ta’ xhur ilu l-UE daħħlu l-VAT fuq kull ħaġa li tixtri minkejja li tiswa anqas minn 20 euro. Iffisser li issa żgħar ser iħallsu. Dawn l-affarijiet ħadd ma jgħidhomna!!
Hu għalhekk li s-sena d-dieħla meta ser ikun hemm l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew irridu noqogħdu attenti għal liema kandidati ser nivvutaw. Irridu nivvutaw lil dawk il-kandidati li l-interess li għandhom hu l-impatt fuq Malta għaliex kull ħaġa li tiġi deċiża fl-UE ser tolqotna.
Qorti tal-Ġustizzja
Kull meta ngħaddi minn quddiem il-Qorti nħossni offiż għaliex nara miktuba ‘Qorti tal-Ġustizzja’. Bdejt inħossni hekk minn meta tgħallimt ‘justice delayed is justice denied’. Ir-raġuni hi waħda sempliċi – jekk jien nieħu passi legali quddiem il-qorti biex nieħu raġun u din tieħu snin twal biex tieħu deċiżjoni, anki jekk tkun favurija, il-valur tagħha jkun intilef sew minħabba l-ispejjeż u sew minħabba li tul dak iż-żmien sew ħajti u sew id-dinja tkun inbidlet.
Għalkemm din l-ixju reġgħet inqagħlet dan l-aħħar, din mhix xi ħaġa ġdida għaliex il-poplu dejjem kien jgħid li l-unika ħaġa ċerta hi li taf biss meta dħalt il-qorti għax la taf kif ser tkun id-deċiżjoni, la taf meta ħierġa d-deċiżjoni u lanqas kemm verament ser tiswik. Tinsiex li meta titla’ l-qorti għal deċiżjoni, l-maġġoranza tan-nies komuni jmorru għal kull seduta u ħafna drabi taħli nofstanhar xogħol biex kull ma ddum is-seduta tkun xi 10 minuti għax mal-ewwel tiġi posposta xhur wara.
Hu għalhekk li nemmen li l-isem għandu ssir ‘Qorti tal-Liġi’ u ma tibqax ‘Qorti tal-Ġustizzja’ biex għallanqas inkunu reali u ma nkomplux nidħqu bina nfusna.
Ħaġa oħra li lili tiffustrani hi li ħadd ma jista’ jindaħal lill-qorti, laqas il-Gvern li kull 5 snin jaqa’ taħt il-ġudizzju tal-poplu, qieshom li l-Maġistrati u l-Imħallfin huma allat. Meta qed ngħid jindaħal mhux qed nirreferi għad-deċiżjonijiet imma sew fuq il-proċeduri li jintużaw u sew l-effiċjenza tal-Qrati tagħna. Jien nemmen li għandu jkun hemm xi ħadd, jew xi grupp, li jkunu responsabbli kif qed jaħdmu l-Qrati u, min ikun, irid joqgħod għall-ġustizzja tal-poplu. Kif inhi s-sistema issa, ħadd miċ-ċittadini komuni, li f’demokrazija għandhom l-istess drittijiet tal-allat, ma jaf kif qed jimxu l-qrati tagħna. Per eżempju, kemm għandna każi pendenti li ilhom għaddejjin aktar minn sentejn, f’dawn il-każi, kemm hemm każi serji bħal qtil. Riċentament kellna każ ta’ qtil li kien ilu li sar ma nafx kemm-il sena ilu, fejn minħabba hekk, kien hemm anki xhieda li kienu laħqu mietu. Min hu responsabbli għal dawn il-każi? Jekk affarijiet bħal dawn jixxandru kull sena, mbagħad il-qrati jkunu taħt il-ġustizzja tal-poplu bħal kull awtorita’ oħra.
Biss l-aktar ħaġa li toffendini hi l-lingwa li tintuża. Aktar fiha Taljan milli Malti. Din tal-lingwa mhux biss qed nirreferi għad-deċiżjonijiet li l-maġġoranza tan-nies ma jifhmuhomx imma anki waqt is-seduti. Jien għalija din tmur kontra d-demokrazija għaliex kull ċittadin għandu dritt li jkun jista’ jifhem id-deċiżjoni tal-qorti mingħajr ma jkun irid imur jistaqsi lil xi ħadd biex ifehemhilu.
Il-mewġa timxi
Sfortunatament, minflok dawn l-affarijiet irranġaw ruħhom, dawn aktar espandew, barra l-fatt li deċiżjonijiet li kienu jittieħdu minn awtoritajiet responsabbli, bħal l-FIAU, illum kollox qed jiġi imbuttat lejn il-qrati bil-konsegwenza li ħafna awtoritajiet saru tigra bla sninn. Ħaġa li ma jirrealiżżawx il-qrati hi, li aktar ma jdumu biex jiddeċiedu aktar id-deċiżjoni jitilfu l’effett.
Biss lanqas dan mhu biżżejjed għaliex dawn il-proċeduri twal u kkumplikati li jimxu bihom il-qrati, illum qed jintużaw ukoll f’sistemi li kienu oriġinarjament iddisinjati biex in-nies ċivili jistgħu jmexxu l-każi tagħhom bl-affarijiet li jgħaġġlu. Eżempju ċar hu t-Tribunal tal-Konsumaturi. Dan kien iddisinjat biex il-konsumaturi jitilgħu huma stess biex iressqu l-każ, u l-każ jinqata’ jekk jista’ jkun f’seduta waħda. Biss illum, bil-proċeduri li daħħlu l-arbitri t-Tribunal sar qiesu qorti bil-konsegwenzi li meta konsumatur iressaq każ quddiem it-Tribunal ser jidħol għal spiża u jrid idum jistenna snin għal deċiżjoni. Ir-riżultat hu li b’hekk ħafna konsumaturi tilfu l-mezz biex jassiguraw id-drittijiet tagħhom.