Tuesday, October 1, 2024

70 NGO jibbenefikaw mill-Community Development and Innovation Scheme

Aqra wkoll

Waqt ċerimonja tal-għoti tal-fondi tal-Community Development and Innovation Scheme, 70 Organizzazzjoni Non-Governattiva (NGO) u Organizzazzjoni Volontarja (VO) ġew rikonoxxuti għall-kontribuzzjoni tagħhom lejn il-komunità u bbenefikaw minn fond totali ta’ €300,000.

Il-Community Development and Innovation Fund Scheme ġiet introdotta għall-ewwel darba fl-2021, bil-għan li tippromwovi riċerka, innovazzjoni u żvilupp permezz ta’ finanzjament ta’ proġetti li jtejbu l-kwalità ta’ ħajja fil-komunità. L-iskema tat opportunità lil NGOs u VOs biex jimplimentaw proġetti innovattivi fil-komunità, billi anke użaw ix-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija, l-Arti u l-Matematika bħala għodod biex iżidu aktar għarfien dwar dawn is-suġġetti fil-komunità u fl-istess waqt jippromwovu l-innovazzjoni.

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, ippreżenta l-għotjiet lil dawn l-għaqdiet u saħaq dwar l-importanza ta’ din l-iskema. “L-investiment fil-komunità huwa fundamentali biex inkomplu nibnu soċjetà b’saħħitha, innovattiva u inklussiva. Permezz ta’ din lis-skema, tajna l-opportunità lil NGOs u VOs biex iwettqu proġetti li mhux biss jippromwovu l-innovazzjoni, iżda li jikkontribwixxu direttament għall-progress soċjali. Permezz ta’ din l-iskema qed inkomplu nappoġġjaw lil dawn l-organizzazzjonijiet għaliex il-kontribuzzjoni tagħhom fil-komunitajiet tagħna huwa imprezzabbli.”

Din l-iskema tikkonferma wkoll l-impenn tal-Gvern lejn is-sostenibbiltà u l-innovazzjoni fil-livell komunitarju u tagħti s-setgħa liċ-ċittadini sabiex ikollhom rwol dirett fl-iżvilupp ta’ soċjetà aktar b’saħħitha anke għall-ġejjieni.

Is-Segretarju Parlamentari rringrazzja lill-organizzazzjonijiet kollha li pparteċipaw u li ppreżentaw proġetti innovattivi. “Il-kontribuzzjoni tagħkom hija essenzjali għall-iżvilupp soċjali u m’għandix dubju li dawn il-proġetti ser iwasslu għal bidla pożittiva fis-soċjetà Maltija. Inħeġġiġkom biex tkomplu għaddejjin b’din il-ħidma prezzjuża,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti.

Il-proġetti ġew magħżula minn bord ta’ esperti maħtur apposta, skont kriterji stabbiliti bħall-kwalità tal-innovazzjoni, il-kontribuzzjoni tagħhom lis-soċjetà, u l-kapaċità li jiġu amministrati b’mod effiċjenti. Dawn il-proġetti se jservu bħala pilastri biex jgħinu fit-trasformazzjoni tal-komunitajiet Maltin għal dawk aktar inklussivi, sostenibbli u innovattivi.

Min-naħa tiegħu, Andrew Mizzi, iċ-Chairman tal-bord tal-għażla, saħaq dwar l-importanza ta’ dawn l-inizjattivi. “Iż-żmien li fih qed ngħixu jeħtieġ proġetti li jikkultivaw il-ħsieb kritiku u l-kollaborazzjoni. Irridu nkomplu naħdmu flimkien, mhux biss biex niksbu progress immedjat, iżda biex niffurmaw futur li jkun ta’ benefiċċju għal kulħadd.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport