Saturday, December 28, 2024

70% tal-investituri barranin jemmnu li jibqgħu Malta fl-10 snin li ġejjin

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Sebgħin fil-mija tal-investituri barranin qegħdin jaraw prospetti tajbin tant li ddikjaraw li se jibqgħu f’Malta fl-10 snin li ġejjin. Dan kien ifisser żieda ta’ 2% fuq l-aħħar stħarriġ li sar is-sena li għaddiet u żieda ta’ 7% meta mqabbel mal-2013. 

Dan irriżulta minn analiżi li għamlet il-kumpanija Ernst and Young (EY) li d-dettalji tagħha ngħataw waqt konferenza li saret f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi (MCC) bit-tema “Malta: Future Realized”. 

L-istħarriġ sab li 54% tal-investituri li Malta hija attraenti biżżejjed għall-investiment dirett barrani, li minkejja li hemm tnaqqis fuq li għaddiet, hija sew ‘il fuq mil-livelli l-aktar baxxi li kienu rreġistrati fis-sena 2021. 

L-investituri jirrikonoxxu illi l-vantaġġi strateġiċi li toffri Malta imma wkoll jagħrfu illi hemm sfidi li jeħtieġ ikunu indirizzati. Dawn jinkludu l-għoli tal-ħajja u l-pressjoni fuq is-suq tax-xogħol, li potenzjalment jista’ jkollhom impatt fuq is-sostenn ekonomiku għal tkabbir fit-tul u li tibqa’ tkun attraenti għall-investiment dirett barrani. 

It-taxxa korporattiva ta’ Malta għadha l-fattur ewlieni biex tattira investiment barrani. B’75% ta’ dawk li rrispondew jirrikonoxxu li hija aspett kruċjali fid-deċiżjoni tagħhom li jinvestu f’pajjiżna. Wara dan, l-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni ta’ Malta hija wkoll rikonoxxuta minn 63% tal-investituri bħala benefiċċju konsiderevoli u li tenfasizza l-espansjoni ta’ Malta bħala hub għall-ekonomija diġitali. 

Il-konnettività robusta hija importanti għal setturi maġġuri bħalma huma l-finanzi, il-gaming u t-teknoloġija, li huma parti integral mill-qafas ekonomiku ta’ Malta. Mill-banda l-oħra, il-livell tal-ispiża tax-xogħol u l-ħiliet huma meqjusa bħala attraenti minn 39% u 32% tal-investituri rispettivi. Fir-rigward tar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni, għalkemm ftit aħjar minn qabel, għadha fost l-inqas fl-“Attractiveness Scoreboard”.

Il-fiduċja li hija kumplimentata bi pjani għal tkabbir tanġibbli wasslet biex terz tal-investituri qed iħejju li jespandu aktar l-operat tagħhom f’Malta. L-impenn tal-investitur li jkomplu jikbru f’Malta jibqa’ wieħed pożittiv, bi 38% tal-kumpaniji jippjanaw li jespandu l-operat tiegħu fis-sena d-dieħla. Din iż-żieda għalkemm hija waħda moderata, tindika klima ta’ investiment stabbli imma kawt. 

37% ta’ dawk li wieġbu f’dan l-istħarriġ enfasizzaw l-importanza li l-ippjanar ekonomiku għandu jkun għat-tul. L-aspett teknoloġiku ta’ Malta qed ikun rikonoxxut aktar għall-kompetittività fl-Ewropa. 46% ta’ dawk li wieġbu jikkunsidraw li l-kapaċitajiet ta’ Malta fil-qasam tal-informazzjoni u t-teknoloġija huwa paripassu ma’ pajjiżi oħra Ewropej filwaqt li 17% iqisu li Malta hija aktar attraenti, indikazzjoni ta’ perċezzjoni pożittiv tal-ambjent teknoloġiku ta’ Malta. 

L-intelliġenza artifiċjali hija fost l-aktar oqsma ta’ interess għall-investituri b’ħafna minnhom jikkunsidraw li jinvestu f’teknoloġiji “cloud” u awtomazzjoni intelliġenti bħala muturi għat-tkabbir fil-futur. Dawn it-teknoloġiji huma meqjusa bħala fatturi għan-negozju li jkabbru l-effiċjenza, inaqqsu l-ispejjeż u jtejbu l-adattibilità. 

F’diskors li għamel Ronald Attard, EY Malta Contry Managing Partner, ikkumpara llum ma’ 20 snin ilu meta dakinhar il-popolazzjoni Maltija kienet 400,000 filwaqt li llum laħqet kważi l-540,000. Qal li dan jindika t-tkabbir sinifikanti kemm f’dik li hi popolazzjoni kif ukoll il-produzzjoni ekonomika, fejn il-prodott gross domestiku minn sitt biljun dollaru Amerikan fl-2004, illum laħaq aktar minn 20 biljun dollaru Amerikan. 

Attard ikkummenta wkoll fuq il-ħtieġa ta’ investiment fl-infrastruttura u l-edukazzjoni, hekk kif ħafna minn dawk li wieġbu enfasizzaw li għandu jkun hemm ippjanar ekonomiku għat-tul.

Minkejja l-isfidi, Attard żvela prospettivi tajbin fost l-investituri, b’70% jemmnu li dawn se jkunu għadhom joperaw f’Malta fl-10 snin li ġejjin.

Ekonomija

Sport