Saturday, December 21, 2024

81 SENA TA’ ĦIDMA B’RISQ IL-ĦADDIEM

Aqra wkoll

Il-General Workers’ Union illum il-5 ta’vOttubru qed tiċċelebra l-81 anniversarju
mit-twelid tagħha. Anniversarju li jixhed li mal-milja tas-snin, il-ħaddiem għadda minn trasformazzjoni għall-oħra bil-ħila tal-GWU.

Li kieku ma kienx għall-ħidma qawwija tal-union, kieku l-ħaddiem Malti llum ma jinsabx fejn jinsab. B’din il-ħidma ma taqta’ xejn mhux biss gawdew il-ħaddiema Maltin u Għawdxin imma wkoll il-familji tagħhom li raw titjib fil-kwalità tal-ħajja tagħhom.

Illum il-GWU ma taħsibx biss fil-ħaddiema Maltin imma anke dawk li ġejjin minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u minn pajjiżi terzi. Għalhekk ħadd u xejn ma jista’ jiċħad, iwarrab jew jiskarta l-post ewlieni li l-GWU għandha fl-istorja riċenti ta’ pajjiżna.

Dan mhux biss aħna nistqarruh imma saħansitra wkoll kittieba awtorevoli li taw importanza assoluta lit-twaqqif ta’ din l-ikbar organizzazzjoni tal-ħaddiema f’pajjiżna. Organizzazzjoni li twieldet biex toħroġ lill-klassi tax-xogħol mill-miżerja u l-faqar li kienet tinsab fih dak iż-żmien.

Fil-fatt, il-mibki Avukat Herbert Ganado f’wieħed mill-volumi tiegħu “Rajt Malta Tinbidel” kien stqarr b’mod ċar u bla tlaqliq li l-akbar ġrajja li seħħet waqt il-qilla tat-Tieni Gwerra Dinjija kien it-twelid tal-GWU, fis-sena 1943. U kellu raġun bil-kbir Dr Ganado meta qal hekk.

Iż-żmien tah prova qawwija u b’saħħitha ta’ kemm il-GWU kienet u għadha strumentali u protagonista ewlenija mhux biss fl-evoluzzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema Maltin imma wkoll fil-qasam soċjo-politiku tal-pajjiż.

U tabilħaqq li l-GWU ma waqfet qatt mill-ħidma tagħha biex ittejjeb kemm tista’ l-ħajja tal-ħaddiem. Mhux biss. Imma hi fuq quddiem nett biex tippromwovi l-aġenda tal-ħaddiem biex ikollu trattament ġust, pagi diċenti u kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin.

Iżda kundizzjonijiet tajbin bħal dawn ma jiġux mingħajr sħubija fil-union. Huwa proprju għalhekk li l-GWU kienet u għadha tinsisti għal tibdil fil-liġi tax-xogħol biex is-sħubija tal-ħaddiema fi trejdunjin tkun waħda awtomatika, dejjem bl-għażla ta’ liema trejdunjin tibqa’ f’idejn il-ħaddiem.

Dan il-ħsieb mhuwiex mibni fuq il-fantasija imma għax għadhom jeżistu realtajiet fejn il-ħaddiem f’ċertu setturi, għadu jiġi sfruttat fil-livelli kollha tax-xogħol. Forsi jkun hawn min joħroġ kontra dan ilkunċett imma l-GWU mhux se taqta’ qalbha milli tkompli tinsisti li t-tibdil fil-liġi jseħħ.

Ħaddiem kuntent u rispettat fuq il-post tax-xogħol mhux biss igawdi huwa personalment imma anke min jimpjegah. Għalhekk fl-okkażjoni tal-81 anniversarju tal- GWU, nawguraw aktar snin ta’ ħidma fejjieda biex ikunu avvanzati aktar id-drittijiet tal-ħaddiema, ikun hemm trattament ugwali, kwalità ta’ ħajja aħjar u soċjetà aktar ġusta u inklussiva għal kulħadd.

Ekonomija

Sport