Saturday, April 20, 2024

94 għaqda volontarja se tibbenefika minn skemi ta’ finanzjament mogħtija minn Aġenzija Żgħażagħ

Aqra wkoll

Għal sena oħra konsekuttiva, Aġenzija Żgħażagħ tat fondi lil diversi għaqdiet li jaħdmu qatigħ maż-żgħażagħ. Il-fondi mogħtija għall-iskemi A4U u BeActive raw tkabbir kbir, hekk kif laħħqu t-€300,000. Barra minn hekk, qed jiġi nnutat ukoll li żdiedet il-parteċipazzjoni mill-għaqdiet volontarji b’diversi proġetti li jsiru fil-komunità.

Din is-sena b’kollox intlaqgħu 116-il proposta; 71 applikazzjoni għall-iskema A4U, u 45 applikazzjoni għall-iskema BeActive. Minn dawn l-applikazzjonijiet u l-proposti, ġew magħżula 94 għaqda volontarja differenti.

L-għaqdiet magħżula ġew mistiedna għal avveniment fejn ingħataw finanzjament mis-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Żgħażagħ is-Sinjura Miriam Theuma, biex tiġi koperta l-ispiża għat-twettiq ta’ dawn l-proġetti.  

Fid-diskors tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti saħaq dwar l-importanza ta’ skemi simili immirati b’mod partikolari għaż-żgħażagħ. “Huwa importanti li nagħmlu ħilitna sabiex iż-żgħażagħ tagħna jitrawmu dejjem aktar f’vokazzjonijiet ta’ dan it-tip li l-profitt tagħhom mhuwiex wieħed monetarju iżda ta’ sodisfazzjon personali. Permezz ta’ Aġenzija Żgħażagħ, qegħdin nagħtu din l-għajnuna sabiex dawn il-voluntiera li jagħtu ħinhom fil-komunità jkollhom aktar riżorsi biex jaħdmu,” sostna Keith Azzopardi Tanti.

Is-segretarju parlamentari, filwaqt li feraħ lill-għaqdiet kollha li bbenefikaw minn dawn l-iskemi, ħeġġeġ sabiex aktar għaqdiet volontarji taż-żgħażagħ jew li jaħdmu maż-żgħażagħ jinteressaw ruħhom f’dawn l-inizjattivi sabiex ikomplu jkattru l-ġid u l-kontribut tagħhom fis-soċjetà.

Min-naħa tagħha l-Kap Eżekuttiv Miriam Theuma qalet li l-impenn tal-Aġenzija Żgħażagħ hu li tkompli toffri skemi simili u saħqet dwar l-importanza li aktar għaqdiet taż-żgħażagħ jew li dawk kollha li jaħdmu maż-żgħażagħ ifittxu li jibbenefikaw minn dawn l-iskemi ta’ finanzjament.

Il-Kap Eżekuttiv sostniet li “Permezz tal-iskemi A4U u BeActive, fost oħrajn, Aġenzija Żgħażagħ irnexxielha toħloq sistema ta’ katina bejn diversi għaqdiet biex b’hekk ikun hemm aktar kollaborazzjoni, mhux biss mal-Aġenzija nnifisha, iżda anki bejniethom biex b’hekk jitgħallmu u jikbru flimkien, jagħtu sapport lil xulxin, u joħolqu proġetti ikbar u aktar ambizzjużi.”

Sport