Wednesday, April 24, 2024

Adrian Delia u Bernard Grech eliġibbli biex jikkontestaw għall-Kap tal-PN

Aqra wkoll

L-elezzjoni għall-Kap tal-PN se tinżamm is-Sibt 3 ta’ Ottubru

Iktar kmieni llum, il-Kummissjoni Kandidati infurmat lill-Kummissjoni Elettorali li sew Dr Adrian Delia kif ukoll Dr Bernard Grech jistgħu jkunu kandidati għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista. Dr Delia u Dr Grech kienu l-uniċi żewġ tesserati li ddikjaraw l-interess li jikkontestaw din l-elezzjoni.

Il-Kummissjoni Elettorali fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Kandidati li sew Dr Adrian Delia kif ukoll Dr Bernard Grech jistgħu jkunu kandidati għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista kif jitlob l-Istatut qegħda tiftaħ in-nominazzjonijiet għal din il-kariġa, b’effett minn għada l-Ħadd 13 ta’ Settembru fl-12:00pm. In-nominazzjonijiet  għandhom jiġu sottomessi mhux iktar tard minn nhar il-Ġimgħa 18 ta’ Settembru fil-12:00pm. In-nominazzjoni trid tkun sekondata minn għallinqas (i) tliet membri tal-Grupp Parlamentari, (ii) ħames membri tal-Kulleġġ Kunsilliera Lokali, (iii) għaxar membri tal-Kumitat Eżekuttiv, (iv) ħamsin membru tal-Kunsill Ġenerali, u (v) ħamsin tesserat tal-partit.

Il-Kummissjoni Elettorali tħabbar ukoll li l-elezzjoni għall-ħatra ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista se tinżamm is-Sibt 3 ta’ Ottubru 2020, bil-votazzjoni kmieni mifruxa fuq ħamest’ijiem bl-iskop li jkunu osservati d-direttivi tal-Awtoritajiet tas-Saħħa pubblika minħabba l-pandemija tal-COVID-19.

Il-ġranet tal-votazzjoni kmieni se jkunu l-Ġimgħa 25 ta’ Settembru, s-Sibt 26 ta’ Settembru, l-Erbgħa 30 ta’ Settembru (għal persuni li għandhom problemi ta’ mobbilta’ u għal dawk li jeħtieġu assistenza biex jivvutaw), l-Ħamis l-1 ta’ Ottubru u l-Ġimgħa 2 ta’ Ottubru. Informazzjoni dettaljata dwar il-postijiet u l-ħinijiet tal-votazzjoni se jingħataw iktar tard.

Il-Kummissjoni Elettorali tinforma li l-perjodu għat-tiġdid tat-tesseri jagħlaq l-Erbgħa 23 ta’ Settembru 2020 fl-10 ta’ filgħodu.

Sport