Friday, November 8, 2024

Il-President ta’ Malta jfaħħar lill-MaltaPost talli qed tagħti togħma ta’ normalità waqt l-imxija tal-COVID-19

Aqra wkoll

Bħala parti minn sensiela ta’ żjarat li qed jagħmel lil postijiet tax-xogħol li taw u qed ikomplu jagħtu sehem importanti biex jittaffa l-impatt tal-COVID-19, il-President ta’ Malta George Vella żar l-uffiċċju prinċipali tal-kumpanija ewlenija tas-servizzi postali f’Malta, il-MaltaPost, fil-Marsa. 

Meta indirizza lill-impjegati u lill-maniġment, il-President fisser kif is-sens ta’ responsabbiltà min-naħa tal-MaltaPost u l-ħaddiema tagħha deher minn kmieni fl-imxija tal-virus meta baqgħu jiġbru, iqassmu, u jipproċessaw il-posta. Huwa rrimarka li t-tkomplija tas-servizz taffiet mhux ftit is-sens ta’ iżolament u distakk fost in-nies. Qal li, b’dak li wettqet il-MaltaPost bil-kwiet u fis-silenzju, rebħet il-fiduċja, ir-rispett, u l-koperazzjoni tal-pubbliku għax tat lill- Maltin u l-Għawdxin togħma ta’ normalità. Il-President ta’ Malta faħħar ukoll il-miżuri favur l-ambjent li daħħlet il-kumpanija reċentament, fosthom permezz tal-introduzzjoni ta’ vetturi elettriċi. 

Il-President appella lill-impjegati tal-MaltaPost biex jipparteċipaw fl-iskema ‘Help Us Help Others’ billi jagħtu donazzjoni żgħira kull xahar mill-paga, skont kemm jixtiequ u kemm jifilħu, lil The Malta Community Chest Fund Foundation.

Sport