Wednesday, March 27, 2024

Il-proġett ta’ housing soċjali ġdid f’Birkirkara jidħol fl-aħħar fażi

Aqra wkoll

Il-proġett ta’ housing soċjali ġdid f’Tas-Sisla, Birkirkara, daħal fl-aħħar fażi tiegħu hekk kif bdew jiġu mgħoddija s-servizzi u bdew ukoll il-finishes. Is-sit ta’ 3,000 metru kwadru jinkludi sitt blokok b’73 appartament u 56 garaxx li qegħdin isiru b’investiment li jeċċedi l-€4.3 miljun.

Waqt żjara fuq is-sit, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes sostna li dan l-investiment bla preċedent huwa xhieda li l-Gvern sema’ l-karba tal-batut u l-emarġinat, li qabel l-2013 kienet qiegħda tingħata l-ġenb, karba għal dar adekwata fejn wieħed jista’ jgħix ħajja dinjituża u jiżviluppa l-ħiliet tiegħu.

“Din il-karba smajniha u llum kburi li qed inħabbar li l-investiment bla preċedent li qegħdin nagħmlu fis-settur tal-Housing, l-akbar investiment f’40 sena, qiegħed jibda jagħti l-frott u qegħdin naraw proġett ieħor li daħal fl-aħħar fażi tiegħu, qal il-Ministru Galdes. Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-djar Leonid McKay tenna li “bħala Awtorità tad-Djar huwa verament ta’ sodisfazzjon li dawn il-proġetti ta’ housing soċjali ġdid jinsabu pass eqreb biex imorru għand dawk il-familji li mingħajrhom ma jistgħux jimxu ‘l quddiem. Bil-viżjoni tagħna li anke tinbidel il-policy ta’ allokazzjoni ta’ housing soċjali, sabiex tirrifletti l-bżonnijiet soċjali tal-ġurnata u sabiex nassiguraw is-sostenibbiltà ta’ dan l-istock, se narawa tinbidel f’realtà.

Ladarba, l-familji ġenwinament fil-bżonn narawhom deħlin mill-bibien ta’ dawn l-appartamenti verament se nkunu qegħdin b’mod tanġibbli nagħmlu differenza fil-ħajja ta’ individwi li ġejjin minn kull parti tas-soċjetà.”

Ekonomija

Sport