Friday, December 13, 2024

Afgani sfurzati jbigħu l-organi u t-tfal taħt it-tmexxija Talibana

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Familji fl-Afganistan li qed ibatu ġuħ kbir ġew sfurzati jagħmlu għażliet ferm diffiċli f’sitwazzjoni xejn sabiħa taħt it-tmexxija Talibana.

Dan fl-isfond tal-fatt fejn aktar minn nofs il-popolazzjoni stmata ta’ 40 miljun tal-pajjiż tiffaċċja livelli estremi ta’ ġuħ.

Eluf ta’ truppi Amerikani u dawk tar-Renju Unit telqu mill-pajjiż tal-Asja t’Isfel f’Awwissu wara missjoni militari ta’ 20 sena, li wittiet it-triq biex it-Talibani jiksbu l-poter.

Sitt xhur mill-bidu tar-reġim il-ġdid, l-ekonomija ġiet tista’ tgħid paralizzata u ‘l fuq minn nofs miljun ruħ tilfu l-impjieg tagħhom. Dan wassal biex l-Afgani ġew sfurzati jbigħu l-kliewi tagħhom u anke lil uliedhom.

Familja, inkluż tliet subien u żewġt ibniet, kollha għamlu operazzjoni u biegħu l-organi tagħhom għal madwar £1,150 kull wieħed biex jitimgħu lill-qraba tagħhom.

F’intervista ta’ qsim il-qalb, omm ta’ 25 sena, minn raħal barra l-belt ta’ Herat, fil-parti tal-punent tal-pajjiż, qalet: “Madwar sitt xhur ilu, ibni ta’ tliet snin miet bil-ġuħ. Ma nistax narahom kollha jitilfu ħajjithom… għall-inqas b’dan il-mod, xi ħadd ieħor se jitmagħhom.”

Kemm hi kif ukoll żewġha diġà biegħu l-kliewi tagħhom u issa qed jiffaċċjaw l-għażla, li l-ebda ġenitur żgur ma jrid li jkollu quddiemu, dwar liema mit-tmint itfal tagħhom se jbigħu.

Irrakkuntaw kif ma baqalhom xejn x’jistgħu jbigħu u kulma jibqa’ huma t-tfal tagħhom u lesti jagħmlu dan anke għal madwar £150 jew $200.

Numru dejjem jikber ta’ Afgani qed ibigħu wkoll il-kliewi tagħhom peress li huwa l-uniku mod biex ikunu jistgħu jiksbu l-ħtiġijiet bażiċi tal-ikel.

Ritratti xokkanti meħuda f’komunità ta’ raħal żgħir barra Herat juru ringieli ta’ rġiel u nisa ta’ etajiet differenti li jikxfu l-marki kbar fuq żaqqhom wara li kienu kostretti jagħmlu operazzjoni f’postijiet mhux awtorizzati.

Ekonomija

Sport