Tuesday, December 24, 2024

AĠENZIJI TAL-IMPJIEGI

Aqra wkoll

Fil-ġimgħat li għaddew deherli li rajt numru ta’ riklami fil-medja li jħabbru l-intenzjoni ta’ min għamilhom li jwaqqfu aġenzija tal-impjegi – waħda inkarigata wkoll milli tipprovdi ħaddiema minn barra għas-suq Malti. Xejn ma wera juri aħjar id-dipendenza dejjem tiżdied tal-ekonomija Maltija fuq mano d’opera barranija.

Jintqal li dan l-aktar li qed jiġri f’ħidmiet li jitħallsu bil-ftit. Dwar hekk, ġew żvelati każi ta’ abbuż u esplojtazzjoni lampanti ta’ ħaddiema mill-Asja u l-Afrika. Imma mhijiex ħaġa ċara li l-aġenziji tal-impjieg jaħdmu biss fl-irħis. Jidher li qed jiżvolġu l-ħidma tagħhom anke f’setturi li jeħtieġu livelli tajba tekniċi u akkademiċi. Bħal fix-xogħol tal-infermiera, accountants u tekniċi tal-kompjuter.

Li jgħaġġibni hu kif fl-istess waqt li l-aġenziji tal-impjiegi donnhom għaddejja minn espansjoni sħiħa, jintqal ukoll li se titlaq ħidma governattiva biex jiġi limitat id-dħul ta’ ħaddiema minn barra minħabba l-iżbilanċi soċjali li dan ġab miegħu fil-pajjiż.

AWDITJAR SOĊJALI

Ili s-snin nhewden fuq jekk nistgħux inżommu kont ta’ kemm qed ikunu effettivi realment, il-programmi ta’ politika soċjali li l-gvern imexxi. Fuqhom jintefaq l-aqwa parti tal-baġit. Għax dwar l-operat finanzjarju, jeżistu modi rikonoxxuti ta’ awditjar. Huma meħtieġa biex jiġi stabbilit jekk il-fondi li qed jintefqu humiex jiġu indirizzati tajjeb u skont il-miri ssettjati għalihom. Hekk jagħmel l-uffiċċju nazzjonali tal-awditur. (Issa ħalliha jekk ir-rapporti tiegħu jintużawx kif imisshhom…) 

Ukoll dwar l-ambjent qed jiġi żviluppat awditjar li jkejjel kemm qed ikunu effettivi programmi u fondi dedikati għal titjib f’dal-qasam.

M’inix konvint li l-istess ħaġa qed tiġri fil-qasam soċjali. Jekk dan hu minnu, ma nifhimx għaliex. Hu tal-aqwa priorità li nkunu nafu jekk kull ewro minfuq għal skopijiet soċjali jkunx qed jintefaq tajjeb.

IL-KWALITÀ TAL-INVESTIMENTI

Kif tiġi ffissata s-somma li l-gvern se jiddedika għall-investimenti? Kif jiġu magħżula l-proġetti li se jiddaħħlu fl-iskema ta’ investimenti?

L-għażliet politiċi ovvjament jiddominaw imma ħafna drabi dawn  ikollhom jinbidlu f’temp qasir, jew inkella jsibu quddiemhom ċirkostanzi li jibdlulhom il-prioritajiet. Ukoll f’baġit ta’ gvern, ta’ spiss issib li jitpoġġew ’il quddiem miri għolja ħafna, bi proġetti u impenji kapitali li jimpressjonaw. Imbagħad tgħaddi sena u ssib li ħafna minnhom l-anqas biss ikunu nbdew. Kien jispeċjalizza ħafna f’dan il-ministru tal-finanzi tal-ewwel amministrazzjoni ta’ Fenech Adami.

Imbagħad hemm kriterji “artifiċjali” li jiddeterminaw liema investimenti se jintgħażlu. Pereżempju kemm ilna membri tal-Unjoni Ewropea, bdew jingħataw preferenza proġetti f’oqsma li se jattiraw il-parteċipazzjoni fihom ta’ fondi Ewropej.

Diffiċli tiggarantixxi li l-impenji f’investimenti publiċi se jkunu ta’ kwalità. 

Ekonomija

Sport