Raġel ta’ 21 sena minn Ħad-Dingli ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li tressaq il-Qorti mixli li aggredixxa u darab żewġ persuni fix-Xemxija. Il-każ seħħ ilbieraħ, għall-ħabta tal-10.00 a.m., fi Triq il-Maqdes Megalitiku.
Adam Zammit Soler kien mixli li weġġa’ mara b’mod gravi u weġġa’ raġel b’mod ħafif. Huwa kien mixli wkoll li kiser il-paċi pubblika, li saq b’mod traskurat u għamel ħsara fuq vettura oħra.
Zammit Soler wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu, bl-Avukati tiegħu jitolbu għall-ħelsien mill-arrest tiegħu iżda l-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba.
Wara li semgħet liż-żewġ naħat, il-Qorti preseduta mill-Maġisrat Astrid May Grima laqgħat it-talba u tatu l-libertà proviżorja fuq depożiu ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €10,000. Dan filwaqt li ordnatlu sabiex jiffirma l-għassa kuljum. Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur l-allegati vittmi.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Christian Cauchi. L-Avukati Nicholas Mifsud u Robert Gauci Maestre dehru għar-raġel.