Raġel ta’ 48 sena residenti l-Mellieħa tilef ħajtu, waqt li tifel ta’ 14-il sena wkoll residenti l-Mellieħa u raġel ieħor ta 44 sena residenti Bormla, weġġgħu f’inċident li seħħ tard ilbieraħ filgħaxija wara li dgħajsa li kienu fuqha inkaljat fuq is-Sikka s-Safra fil-limiti ta’ Baħar iċ-Ċagħaq.
Fi stqarrija l-Pulizija qalet li kienu għall-ħabta tas-sebgħa u kwart meta l-Pulizija ġew infurmati minn xi persuni li kienu fuq l-art, li x’aktarx hemm bżonn l-assistena fuq il-baħar hekk kif lemħu flares li ġew sparati minn dgħajsa.
Mal-ewwel skattat operazzjoni delikata u maġġuri b’kordinazzjoni bejn il-Pulizija, id- Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, il-Forzi Armati u l-awtoritajiet tas-Saħħa tal-Isptar Mater Dei.
Hekk kif waslu fuq il-post, it-tliet persuni nstabu f’kundizzjoni serja b’diversi ġrieħi.

Immedjatament huma ngħataw l-ewwel assistenza medika fuq il-baħar, u wara, permezz ta’ dinghy tal-Protezzjoni Ċivili ttellgħu fuq il-moll f’Baħar iċ-Ċagħaq.
Wara li t-timijiet mediċi komplew jassistu fuq l-art, it-tliet persuni ttieħdu lejn l-Isptar Mater Dei.
Sfortunatament, ir-raġel ta’ 48 sena tilef ħajtu kawża ta’ diversi ġrieħi li ġarrab, waqt li t-tifel ġie ċċertifikat bi ġrieħi gravi, u r-raġel l-ieħor ġie ċċertifikat bi ġrieħi serji.
Bl-inċident ġie infurmat il-Maġistrat Philip Galea Farrugia li fetaħ inkjesta fejn ħatar diversi esperti sabiex jassistuh, waqt li l investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
Ritratt ta’ ġewwa: Jason Giardina
