Monday, December 9, 2024

AĠĠORNAT: Żewġ każi ġodda … Il-Prof Gauci tisħaq li ninsabu biss fil-bidu tal-‘curve’ tal-każi

Aqra wkoll

F’dak li kien rekord ta’ swabs li saru s’issa mill-awtoritajiet tas-saħħa, il-każi ġodda ta’ persuni infettati bil-coronavirus fl-aħħar 24 siegħa jammontaw għal żewġ persuni. Il-każi totali tal-persuni li ġew infettati bil-coronavirus issa jammonta għal 151. Qalet dan is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci fil-konferenza tal-aħbarijiet li matulha ngħata l-aġġornament dwar is-sitwazzjoni tal-Covid-19 f’pajjiżna.

Il-Prof Gauci qalet li f’dawn is-sigħat saru 585 swab, l-ogħla numru s’issa f’pajjiżna.

Hija saħqet li minkejja li n-numru tal-każi ġodda huwa baxx, dan mhuwiex indikazzjoni li mhux se nkunu qed naraw aktar żieda fin-numru ta’ każi. Il-Prof. Gauci qalet li minkejja li huwa minnu li l-ħidma għaddejja b’mod kostanti biex il-marda ma tkomplix tinfirex, pajjiżna jinsab fil-nidu tal-curve tal-imxija tal-marda. Għaldaqstant appellat biex il-pubbliku jibqa’ josserva l-indikazzjonijiet u l-miżuri kollha indikati mill-awtoritajiet tas-saħħa.

Filwaqt li qalet li l-anzjan ta’ 72 sena li jinsab fit-Taqsima tal-Kura Intensiva għadu jinsab f’qagħda kritika, u huwa intubat u jeħtieġ l-użu ta’ ventilator, hija qalet li fis-sigħat li għaddew iddaħħlu żewġ persuni oħra fl-ITU. Dan biex isir aktar moniteraġġ tas-sitwazzjoni medika tagħhom, minkejja li m’għandhomx ħtieġa ta’ ventilator.

Intant l-ewwel każ – li huwa relatat ma’ safar – huwa dak ta’ mara Maltija ta’ 53 sena li bdiet turi sintomi tal-marda fl-24 ta’ Marzu li għadda. Fost is-sintomi li bdiet turi kien hemm telfien tas-sens tax-xamm u t-togħma. Hija ma sifritx, madankolli qarib tagħha wasal mir-Renju Unit fl-20 ta’ Marzu u beda juri sintomi fit-23 ta’ Marzu.

Il-Professur Gauci qalet li dan il-qarib tal-mara qagħad fi kwarantina u għaldaqstant ma jidhirx li hemm aktar każi ta’ infezzjonijiet. Persuna oħra fl-istess familja li tbati minn kundizzjonijiet mediċi mar jgħix f’post alternattiv u għaldaqstant f’din iċ-ċirkostanza komplew jitnaqqs r-riskji.

It-tieni każ jikkonċerna lil raġel ta’ 39 sena li fil-15 ta’ Marzu li għadda beda juri sintomi fosthom uġigħ ta’ griżmejn. Ilbieraħ sarlu t-test li rriżulta pożittiv.

Huwa ma kienx imsiefer, iżda jaħdem f’kumpanija privata fejn jidher li kien hemm impjegati li kienu msefrin barra u kellhom xi sintomi. F’dan il-każ l-awtoritajiet tas-saħħa qed jagħmlu proċess ta’ contact tracing fuq il-post tax-xogħol bħala prekazjoni.

Ekonomija

Sport