Minn Cristian Muscat
Marco Amelia (imwieled fit-2 ta’ April 1982) huwa ex player professjonali Taljan li lagħab bħala goalkeeper għal aktar minn 15-il sena, fosthom mat-tim nazzjonali Taljan li rebaħ it-Tazza tad-Dinja tal-2006, filwaqt li rebaħ ukoll il-Kampjonat Ewropew ta’ taħt il-21 sena fl-2004.
Imwieled fi Frascati, ħdejn Ruma, Amelia beda l-karriera tiegħu fl-akkademja tal-youths ta’ AS Roma, fejn ikkontribwixxa għar-rebħ tat=titlu tas-Serie A tal-2000–01 bħala goalkeeper qabel ma għamel id-debutt professjonali tiegħu b’self ma’ Livorno fl-2001.
Huwa qatta’ l-maġġoranza tal-karriera tiegħu ma’ Livorno mill-2001 sal-2008, fejn lagħab 130 logħba fis-Serie A u 182 logħba fil-kompetizzjonijiet kollha, u għen lill-klabb jirbaħ it-titlu tas-Serie C1 fl-istaħun 2001–02, filwaqt li kiseb ukoll il-promozzjoni għas-Serie A fl-2003–04.
Wieħed mill-aktar mumenti memorabbli tiegħu seħħ f’dik li dak iż-żmein kienet magħrufa bħala t-Tazza UEFA fl-istaġun 2006–07, meta sar l-ewwel goalkeeper Taljan li skorja fil-kompetizzjoni tal-klabbs tal-UEFA billi skorja gowl bir-ras li permezz tiegħu, it-tim tiegħu ġab l-iskor indaqs kontra Partizan Belgrade.
Wara li ngħaqad ma’ Palermo fl-2008, fejn lagħab 34 logħba fil-Kampjonat tas-Serie A, Amelia ngħaqad ma’ AC Milan b’self mingħand Genoa fl-2010, u sar akkwist permanenti fl-2011 għas-somma ta’ €3.5 miljun.
Matul iż-żmien tiegħu ma’ AC Milan, serva bħala sostitut ta’ Christian Abbiati u kien parti mill-iskwadra li rebħet it-titlu tas-Serie A fl-istaġun 2010–11 u s-Supercoppa Italiana fl-2011.
Wara t-tluq tiegħu minn ma’ AC Milan fl-2013, Amelia lagħab ma’ diversi klabbs fosthom Perugia, Lupa Roma, u Vicenza fid-diviżjonijiet aktar baxxi, u fost oħrajn kellu anke esperjenza qasira ma’ Chelsea fl-2015 qabel ma rtira fl-2017 fl-età ta’ 35 sena.
Internazzjonalment, Amelia lagħab disa’ darbiet mat-tim nazzjonali Taljan bejn l-2005 u l-2009, fejn ġie utilizzat primarjament bħala sostitut ta’ Gianluigi Buffon. Huwa kien inkluż fl-iskwadri tal-Italja fit-Tazza tad-Dinja tal-2006, bl-Azzurri joħorġu rebbieħa, il-UEFA Euro 2008, u t-Tazza tal-Konfederazzjonijiet tal-2009, għalkemm ma ġiex utilizzat f’logħbiet ewlenin.
Fil-livell tal-youths, rebaħ il-Kampjonat Ewropew ta’ taħt il-21 sena tal-2004 u midalja tal-bronż fl-Olimpjadi tas-Sajf tal-2004 mat-tim nazzjonali Taljan ta’ taħt it-23 sena.
Wara li rtira minn player, Amelia kompla karriera bħala kowċ, fejn kiseb il-Liċenzja Pro tal-UEFA u kkowċja diversi klabbs Taljani tal-kampjonati inferjuri, inkluż Lupa Roma (2018–2019), Livorno (2021), u Sondrio fis-Serie D matul l-istaġun 2024–25 sa Novembru 2025.
Dan il-ġurnal tkellem b’mod esklussiv ma’ Amelia nnifsu fuq diversi materji, fosthom il-karriera tiegħu ma’ AC Milan u t-tim nazzjonali Taljan, il-qagħda tal-futbol Taljan fil-preżent u kif qed iħares lejn il-futur tiegħu.
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol … u għaliex għażilt proprju r-rwol ta’ goalkeeper?
Il-futbol huwa passjoni għat-tfal. Meta tibda timxi, tibda tara li tixxutjja ballun. Għażilt ir-rwol ta’ goalkeeġer għax bħala tfal konna nieħu gost noqgġdu bejn il-lasti, u dan ir-rwol għoġobni.
Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek ma’ AC Milan kif ukoll mat-tim nazzjonali Taljan.
Esperjenza fantastika … lgħabt mal-aqwa klabb fid-dinja. Li nilbes il-flokk tal-Italja kienet ukoll xi ħaġa tassew. Barra minn hekk, waslu wkoll l-unuri.
Hemm xi partita li tibqa’ tiftakar iktar minn oħrajn kemm mar-Rossoneri kif ukoll mal-Azzurri?
Lgħabt ħafna logħbiet ma’ AC Milan u probabbilment id-debutt tiegħi fiċ-Champions League kontra Real Madrid tibqa’ l-aqwa memorja tiegħi. L-istess jgħodd għat-tim nazzjonali Taljan, fejn dejjem nibqa’ niftakar il-logħba tad-debutt tiegħi kontra l-Kosta tal-Avorju ta’ Drogba.
X’tista’ tgħidli dwar l-esperjenza unika li rbaħt it-Tazza tad-Dinja lura fl-2006?
Ir-rebħ tat-Tazza tad-Dinja dejjem jibqa’ miegħek, għax fl-aħħar mill-aħħar hija storja u sakemm nibqa’ ħaj, żġur li se nibqa’ niftakar dik il-ġurnata!
Xi tgħidli dwar il-kowċ Marcello Lippi?
Lippi mat-tim nazzjonali taljan wera li l-immaniġġjar ta’ grupp huwa aktar importanti minn kull ħaġ’oħra … fil-fatt rebaħ kemm ma’ Juventus kif ukoll mal-Italja.
Kif rajt il-futbol Taljan jinbidel tul is-snin? Taħseb li l-futbol Taljan jinsab fi kriżi anke meta nikkunsidraw li l-Italja falliet milli tikkwalifika għat-Tazza tad-Dinja għat-tielet darba konsekuttiva?
Il-futbol Taljan irid jeżamina lilu nnifsu speċjalment fit-tmexxija tal-klabbs, u speċjalment fir-rigward tal-ewwel timijiet. Dawn iridu jagħtu aktar spazju lill-players żgħażagħ Taljani biex jitħarrġu mat-timijiet tal-kbar.
X’taħseb dwar il-fatt li AC Milan ma rnexxilhomx jiksbu post fiċ-Champions League matul l-istaġun li għadda?
AC Milan tilfu wisq opportunitajiet matul l-istaġun li għadda. Iżda kien hemm wisq problemi esterni għat-tim li nqalgħu u influwenzaw l-ambjent Milanist.
Kemm hu differenti r-rwol ta’ kowċ minn dak ta’ plejer?
Li tkun kowċ u player huma żewġ affarijiet kompletament differenti, imma t-tnejn għandhom ir-rwol tagħhom. Is-snin jgħaddu u meta tkun kowċ, tkun aktar riflessiv.
Tara lilek innifsek bħala kowċ f’Malta fil-futur? Ftit snin ilu kien hawn l-eks kollega tiegħek mat-tim nazzjonali Talajn u li miegġu rbaħt it-Tazza tad-Dinja fl-2006, Mauro German Camoranesi li kien jikkowċja f’Malta u li kellu esperjenza pożittiva …
Ma nafx, fil-futbol jista’ jiġri kollox! Malta hija realtà li qed tikber!
Għaddi messaġġ finali lil dawk it-tfal u / jew żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista u li, bħalek, jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċess fil-futbol, fosthom fir-rwol ta’ goalkeeper.
Lil kull tifel u tifla, ngħidilhom biex dejjem jagħmlu l-almu kollu tagħhom, biex jemmnu fil-ħolm tagħhom u biex jaħsbu kuljum dwar li jsiru aħjar mill-ġurnata ta’ qabel.
Il-futbol jinvolvi għejja minn perspettiva fiżika iżda wkoll minn perspettiva mentali u minn dik il-perspettiva trid tkun tajjeb u ddawwar lilek innifsek b’nies li jridu l-aħjar possibli għalik!


