Monday, June 1, 2026

Mauro Camilleri Darmanin … għalih dan huwa biss il-bidu ta’ vjaġġ li għadu jista’ jwassal għal ħafna aktar suċċessi fis-snin li ġejjin

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Nhar it-Tnejn l-1 ta’ Ġunju, se jingħata bidu għas-seba’ edizzjoni tal-Kampjonat tal-Malta Beach Soccer fil-Bajja s-Sabiħa f’Birżebbuġa, kompetizzjoni li matul dawn l-aħħar snin kompliet tikber kemm fil-livell tekniku tagħha kif ukoll fil-popolarità fost il-pubbliku Malti.

Persuna li kellha rwol importanti ħafna f’dan l-iżvilupp huwa Mauro Camilleri Darmanin, il-president tal-Malta Beach Soccer Association (MBSA), li ilu involut f’dan l-isport għal diversi snin.

Camilleri Darmanin huwa magħruf għall-passjoni kbira tiegħu lejn l-isport u lejn l-iżvilupp tal-beach soccer f’Malta. Huwa ngħaqad mal-MBSA fl-2020 bħala Logistics and Events Coordinator u kien strumentali fit-trasformazzjoni tal-Kampjonat Nazzjonali tal-Beach Soccer wara perjodu ta’ waqfien.

Ix-xogħol tiegħu, flimkien ma’ dak tal-kumitat kollu, wassal biex illum il-ġurnata l-beach soccer sar wieħed mill-aktar sports tas-sajf segwiti fil-gżejjer Maltin.

“Meta bdejt naħdem mal-assoċjazzjoni fl-2020, kellna viżjoni ċara ta’ fejn ridna naslu. Ridna nagħtu ħajja ġdida lill-kampjonat lokali u fl-istess ħin nibnu bażi soda sabiex il-logħba tkompli tikber. Illum ninsab kburi ħafna meta nara kemm wasalna ’l quddiem,” qal Camilleri Darmanin.

Il-president tal-MBSA ma ħebiex is-sodisfazzjon tiegħu għan-numru ta’ timijiet li applikaw biex jieħdu sehem fil-kampjonat ta’ din is-sena.

“Din is-sena għandna seba’ timijiet fil-kategorija tal-irġiel u ħames timijiet fil-kategorija tan-nisa. Dan huwa sinjal ċar li l-interess fil-beach soccer qed ikompli jiżdied. Aktar timijiet ifissru aktar kompetizzjoni, aktar plejers involuti u aktar opportunitajiet biex it-talent lokali jiġi żviluppat.”

Il-kampjonat se jibqa’ jsir fil-Bajja s-Sabiħa, post li matul is-snin sar sinonimu mal-beach soccer Malti.

“Il-Bajja s-Sabiħa hija l-qalba tal-beach soccer f’Malta. Il-faċilitajiet li għandna hemmhekk huma ideali għal dan l-isport u kull sena naraw aktar nies jinżlu biex isegwu l-logħob. L-atmosfera hija unika u tagħti valur miżjud lill-kompetizzjoni.”

Meta wieħed jitkellem dwar il-progress tal-beach soccer f’Malta, ma jistax ma jsemmix ukoll it-tim nazzjonali. F’dawn l-aħħar snin Malta bdiet tikkompeti b’mod regolari fix-xena internazzjonali, b’riżultati li qed juru titjib kontinwu.

“Il-fatt li għandna tim nazzjonali li qed jikkompeti kontra pajjiżi stabbiliti fil-beach soccer huwa pass enormi ’l quddiem. Meta nħarsu lura lejn fejn konna ftit snin ilu u nqabbluh ma’ fejn qegħdin illum, nindunaw kemm sar xogħol.”

Wieħed mill-aktar mumenti memorabbli fl-istorja reċenti tat-tim nazzjonali kien l-ewwel rebħa fil-Euro Beach Soccer League fl-2024, meta Malta għelbet lin-Norveġja 3-2.

“Dik kienet rebħa storika. Mhux biss għax kienet l-ewwel waħda fil-kompetizzjoni, iżda għax tat prova li Malta tista’ tikkompeti ma’ pajjiżi oħra u tikseb riżultati pożittivi. Kien mument ta’ kburija għal kulħadd.”

Camilleri Darmanin ta wkoll kreditu lill-kowċ Taljan Marco Casarsa, li minn meta nħatar fl-2022 kompla jgħin lill-plejers Maltin jiżviluppaw.

“Marco ġab miegħu esperjenza kbira. Huwa persuna li lagħbet u ħadmet fil-beach soccer tal-ogħla livell. Il-mentalità professjonali tiegħu għenet ħafna lill-plejers tagħna biex jifhmu x’hemm bżonn sabiex ikunu kompetittivi fuq livell internazzjonali.”

Naturalment, il-progress ma sarx waħdu. Warajh hemm ħidma kontinwa mill-kumitat tal-MBSA li jinkludi diversi persuni dedikati li jaħdmu fuq aspetti differenti tal-isport. Dan kollu b’sinerġija mal-MFA Futsal and Beach Soccer immexxija minn Mark Marlow.

“Aħna għandna tim ta’ nies li jagħtu ħafna mill-ħin tagħhom sabiex dan l-isport ikompli jikber. Kull membru tal-kumitat għandu rwol importanti, kemm fl-organizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet kif ukoll fil-promozzjoni u l-amministrazzjoni tal-logħba.”

Aspett li jagħti sodisfazzjon partikolari lill-President huwa l-interess dejjem jikber fost iż-żgħażagħ.

“Qed naraw aktar tfal u żgħażagħ li juru interess fil-beach soccer. Dan huwa importanti ħafna għax il-futur tal-isport jiddependi fuq il-ġenerazzjonijiet il-ġodda. Irridu nkomplu noħolqu opportunitajiet sabiex aktar żgħażagħ jippruvaw din il-logħba.”

Huwa jemmen li l-klima Maltija toffri vantaġġ naturali għall-iżvilupp tal-beach soccer.

“F’Malta għandna kundizzjonijiet ideali. Nistgħu nitħarrġu kważi s-sena kollha u dan huwa vantaġġ li mhux kull pajjiż għandu. Issa rridu nkomplu nibnu fuq dan il-potenzjal.”

Meta mistoqsi dwar l-aspettattivi tiegħu għall-kampjonat li se jibda fil-jiem li ġejjin, Camilleri Darmanin wera ottimiżmu kbir.

“Nistenna kampjonat kompetittiv ħafna. Hemm diversi timijiet li saħħew l-iskwadri tagħhom u għalhekk naħseb li se naraw logħob ta’ livell għoli. Il-pubbliku jista’ jistenna ħafna emozzjonijiet u spettaklu sabiħ.”

Fl-istess waqt huwa appella lill-partitarji sabiex jattendu l-logħob u jkomplu jagħtu l-appoġġ tagħhom.

“Il-preżenza tal-pubbliku hija importanti ħafna. Meta l-plejers jaraw lin-nies jiġu jsegwuhom, dan jagħtihom motivazzjoni akbar. Nixtieq nistieden lill-familji u lill-partitarji kollha tal-isport sabiex jinżlu Birżebbuġa u jgawdu minn dan l-avveniment.”

Filwaqt li l-kampjonat lokali jibqa’ prijorità, il-ħsieb tal-MBSA jibqa’ wkoll fuq il-futur fit-tul.

“L-għan tagħna huwa li nkomplu nibnu struttura b’saħħitha li tipproduċi aktar plejers ta’ kwalità u li tagħti lit-tim nazzjonali l-għodod kollha meħtieġa biex ikompli javvanza.

Nemmen li għad għandna ħafna potenzjal x’niskopru.”

B’kampjonat ġdid lest biex jibda, tim nazzjonali li qed ikompli jikseb esperjenza internazzjonali u interess dejjem jikber mill-pubbliku, il-futur tal-beach soccer Malti jidher wieħed promettenti.

U għal Mauro Camilleri Darmanin, dan huwa biss il-bidu ta’ vjaġġ li għadu jista’ jwassal għal ħafna aktar suċċessi fis-snin li ġejjin.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport