Wednesday, April 24, 2024

“Agħtuna l-festi lura”… l-għajta tad-dilettanti

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Proprju fl-aħħar jiem, wara kważi sena u nofs bla festi esterni, seħħew żewġ żviluppi, li ħolqu kontroversja u qed jitqiesu bħala li  jistgħu jwasslu biex jitbexxaq bieb biex il-festi esterni isiru matul is-sajf tas-sena d-dieħla. F’Ħal Safi u fil-Birgu saru attivitajiet b’rabta mal-festi, fejn f’Ħal Safi inħarġet l-istatwa ta’ San Pawl fuq iż-żiemel, waqt li fil-Birgu sar it-tlugħ tant mistenni ta’ San Duminku fuq il-pedestall. Uffiċjali ta’ każini li tkellmu ma’ Talk.mt qalulna li s-sajf li ġej hu wieħed kruċjali għal festi u l-każini.

Fost id-dilettanti tal-festi dak li sar fil-Birgu u Ħal Safi,  qajjem tama u kuraġġ li hemm ċans li matul is-sena d-dieħla jerġgħu jibdew isiru il-festi.  Quddiem il-fatt li hemm każini, li jinsabu tista’ tgħid għarkobbtejhom b’perjodu twil inattivi u b’festi fejn il-volontarjat jidher li qala daqqa’ kbira ta’ ħarta, hemm stennija kbira biex jerġgħu jirritornaw il-festi.

Biss, ix-xaqq ta’ dawl  li d-dilettanti raw  qabel il-Ħadd f’Ħal Safi u fil-Birgu, malajr sfaxxa l-Ħadd filgħodu hekk kif f’Ħal Safi marru għadd imdaqqas ta’ Pulizija. Mhux magħruf jekk f’Ħal Safi għal filgħodu kienx hemm ippreparata xi attività, biss il-pulizija bi preżenza qawwija skjeraw ruħhom quddiem il-każin tal-banda, bil-partitarji quddiem il-każin fuq l-imwejjed u l-pulizija ftit bogħod.

Dan wassal għal rabja kbira fost id-dilettanti. Uffiċjal ta’ każin li tkellem ma’ Talk.mt u li xtaq li nżommu l-anonimità tiegħu qalilna li “ilna għal dawn l-aħħar ġimgħat naraw turisti u ammont kbar ta’ turisti flimkien. Bla maskri. Dan mhux qed ngħidu jien. Rajna filmati u narawhom b’għajnejja jien f’postijiet turisti. Turisti miġburin ħafna minnhom bla maskri. Allua għaliex il-festi ma jistgħux isiru? Possibbli ma nistgħux nibdew niddiskutu ta’ kif għandhom isiru? Għaliex il-purċisjsonijiet baqgħu ma sarux anki din is-sena? Dan meta se jsiru l-festivals tan-nar, se jsiru kunċerti fuq il-fosos, beda il-logħob tal-futbol bl-ispettaturi iżda l-festi le ħallejnihom barra. Kif tħallew barra, sħabna tar-regatta. Ma nafx, imma qisni qed nara li dak li hu tradizzjonali tagħna qed intuh bis-sieq”.

Itenni li “l-volontarjat qala daqqa.  Min kien jiġi jgħin u mbagħad isir jaf li l-festa mhix se ssir jibda jaqta bil-mod il-mod. Mil-lat ta’ volontarjat, il-festi u l-każini qalgħu daqqa. Forsi finanzjarjament ħafna każini setgħu ivinċu u kellhom x’jagħmel tajjeb. Imma mhux kulħadd hekk. Dan il-waqfien daqshekk għat-tul affettwa ħafna ħażin il-festi u l-baned”, sostna l-istess uffiċjal.

Il-karba tagħna hi waħda “Agħtuna l-festi lura”

Sostna li “il-karba tad-dilettanti llum hi waħda. – dik li jridu l-festi lura. Minkejja li mhux isiru il-każini baqgħu għaddejjin bit-tagħlim tal-mużika u dan ifisser li l-ispiża tagħhom hemm baqgħet. Ma ninsewx li l-każini għamlu żmien magħluqin u għalhekk l-introjtu mill-bars jew ristorant li jkollhom ikun naqas drastikament. Nittamaw li l-awtoritajiet jibdew diskussjonijiet biex naraw kif bil-mod il-mod, nerġgħu nirritornaw biex f’pajjiżna naraw mill-ġdid il-festi. Inutli jingħataw għajnuniet jekk festi mhux isiru. Mhux ħasra tara spettakli tan-nar fl-ibliet tagħna imma l-festa li hi l-qofol tas-sena fl-ibliet u l-irħula tibqa’ ma ssirx. Nittamaw li l-karba tagħna ma taqax fuq widnejn torox.

Intant Brian Bonniċi magħruf għal attiviżmu tiegħu fil-festi proprju ftit jiem ilu iddikjara li “irridu l-festi lura. Jew issa jew qatt. Is-sena 2022 hija kruċjali. Ninghaqdu flimkien ħalli nħarsu dan il-patrimonju li għex wara pandemiji u gwerra imma li issa qed jersaq lejn xifer. Minn issa l-hemm kruċjali. Kulħadd irid jifhem dan”.

Il-politiċi qed jiġu jduru l-każini, u l-kmamar tan-nar… ngħidilhom “Agħtuna lura dak li hu tagħna”

L-istess uffiċjal qalilna li “rajna matul dan is-sajf politi minn ta’ kull naħa iżuru każini, kmamar tan-nar u knejjes. Hekk sewwa u xieraq. Dan biss mhux biżżejjed. Imbilli jiġi l-każini u fi kmama jekk il-festa ma nistgħux nagħmluha x’jiswa? Il-messaġġ tiegħi lejhom hu wieħed, għinuna biex il-festi jibdew isiru mill-ġdid.”

Ħal Safi u l-Birgu kitbu l-istorja

B’dak li ġara fl-aħħar jiem f’Ħal Safi u l-Birgu tista’ tgħid li inkitbet l-istorja. Kienu żewġ partiti li ddeċidew li jagħmlu attività sinonima sew mal-festa, ħruġ jew tlugħ ta’ statwa fuq pedestall. Il-mistqosija li issa tqum hi wara dan il-pass li ħadu dawn il-festi, se jkun hemm ċaqlieqa jew kollox se jibqa’ staġnat?.

Sport