Wednesday, April 24, 2024

GWERER LI MA WASSLU GĦAL XEJN

Stefan Zrinzo Azzopardi
Stefan Zrinzo Azzopardi
Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali

Aqra wkoll

Jiena nemmen li id-djalogu u l-paċi bejn il-ġnus huma bil-wisq aktar superjuri għal kull akkwist li jista’ jsir minn gwerra. Id-dinja għandha biżżejjed eżempji ta’ gwerer li ntemmu u ma wasslu għal xejn ħlief għal tbatija bla qies għal miljuni ta’ nies li aktarx kellhom jaħarbu minn pajjiżhom u jispiċċaw refuġjati x’imkien ieħor.

Dak li qed jiġri fl-Afganistan bħalissa huwa l-aqwa eżempju ta’ kif għoxrin sena sħaħ ta’ gwerra f’dan il-pajjiż ma wasslu għal xejn ħlief biex il-pajjiż reġa’ lura għal dak li kien għoxrin sena ilu eżatt, immexxi mill-fundamentalisti Talibani. It-tluq tal-forzi Amerikani u l-alleati fil-Punent mill-Afganistan ġab miegħu il-waqa’ ta’ Gvern ċivili fi ftit jiem. Dan irriżulta f’kaos sħiħ bi tbatija kbira għall-Afgani u eluf kbar ta’ barranin oħra li kienu jaħdmu fil-pajjiż li hekk kif raw li t-tmexxija tal-pajjiż reġgħet waqgħet f’idejn it-Talibani bdew jagħmlu minn kollox biex jaħarbu mill-pajjiż.

Hemm min sostna li d-dħul tal-Amerikani u l-forzi tal-Punent fl-Afganistan f’Ottubru tal-2001 kienet deċiżjoni mgħaġġla wisq fid-dawl tal-att terroristiku tal-11 ta’ Settembru 2001 fuq it-twin towers ta’ New York. Deċiżjoni li ġiet meqjusa bħala tpattija għat-traġedja li laqtet lil eluf ta’ familji Amerikani u barranin li tilfu ħajjithom f’dan l-att terrorisiku. Minn dejjem ġie sostnut li l-intenzjonijiet tal-Amerika fl-Afganistan qatt ma kienu ċari. Fl-aħħar jiem stess kellna lill-President Amerikan Joe Biden jammetti li l-Istati Uniti ma daħlitx l-Afganistan biex tibni stat bl-istituzzjonijiet kollha tiegħu, imma biex tipproteġi l-interessi Amerikani u tara li att terroristiku bħal dak li sar kontriha ma jerġa’ jsir qatt aktar.

Issa li d-deċiżjonijiet ittieħdu u l-Amerikani u l-alleati tagħhom ħarġu mill-Afganistan, id-dinja trid tiffaċċja il-konsegwenzi. Ħafna pajjiżi, mhux l-inqas l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea qed jistennew li fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin ser ikollhom iħabbtu wiċċhom ma’ kriżi ġdida ta’ influss qawwi ta’ refuġjati li qed jaħarbu mill-Afganistan. 

Fil-jiem li għaddew l-Unjoni Ewropea anke laqqgħet b’urġenza il-Kunsill tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tagħha biex jiddikustu s-sitwazzjoni li qed tiżviluppa. Sar appell biex l-awtoritajiet il-ġodda fl-Afganistan josservaw ic-charter tal-Ġnus Magħquda f’li jirrigward id-drittijiet u l-prinċipji bażiċi, fosthom id-drittijiet tan-nisa, u li jonoraw l-obbligi internazzjonali tagħhom.

L-Unjoni Ewropea lesta tkompli tgħin lill-poplu tal-Afganistan, biex il-pajjiż ikun wieħed stabbli biex jiġu evitati kunflitti fir-reġjun, liema kunflitti iwasslu għal instabbiltà reġjonali b’aktar traffikar ta’ droga u emigrazzjoni bla kontroll. 

L-Unjoni Ewropea qed tagħmilha ċara li l-koperazzjoni mal-awtoritajiet il-ġodda trid tkun ikkundizzjonata minn ftehim paċifiku u inklussiv li jirrispetta id-drittijiet fundamentali tal-poplu kollu Afgan, inklużi in-nisa, iż-żgħażagħ u dawk f’minoritajiet. L-awtoritajiet il-ġodda iridu juru r-rieda li jiġġieldu l-korruzzjoni u li ma jħallux il-pajjiż jintuża minn organiżazzjonijiet terroristiċi.

Il-Ministri għall-Affarijiet Barranin Ewropej qablu wkoll li l-Unjoni Ewropea għandha tgħin lill-pajjiżi ġirien tal-Afganistan biex jikkontrollaw l-influss mistenni ta’ refuġjati li qed jaħarbu mill-pajjiż.

Għal darb’oħra għandna prova ta’ kemm gwerra ġġib biss tbatija għal eluf kbar ta’ nies u l-agħar ħaġa li tiġri hija meta gwerra tkun ġiet miġġielda għalxejn. L-Amerikani biss tilfu weħidhom aktar minn 23,000 membri tal-forzi militari tagħhom f’din il-gwerra u kull familja Amerikana li ġarrbet telfa fl-Afganistan illum qed tghid li tilfet lill-għeżież tagħha għalxejn. J’Alla tinstab it-triq tad-djalogu bil-għan li s-sitwazzjoni ma tmurx għall-agħar u ma tinħoloqx aktar tbatija bla bżonn.

Sport