Monday, May 11, 2026

‘Is-sigriet tas-suċċess tal-Amateur Cup kien il-konsistenza tal-aħħar partiti’ – Emerson Vella

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn meta kont żgħir. Kont nara cartoons tal- futbol li fi żmieni kien popolari u minn hemm jien flimkien ma’ ħija bdejna nilagħbu l-isport flimkien. 

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Qormi FC, fejn int ukoll il-viċi-captain tat-tim.

Jien Ħal-Qormi kien il-klabb li bdejt il-karriera tiegħi miegħu fil-Premier fejn għamilt tliet snin ma’ dan il-klabb, jiġifieri bħala klabb kien speċjali għalija. Dis- sena għamilt żmien twil nittrenja waħdi fejn saħansitra kelli ħsieb li nieqaf nilgħab, biss peró meta ċempluli dan il-klabb aċċettajt mill-ewwel għax xtaqt nerġa nilbes il-flokk isfar u iswed u nipprova nwassal l-klabb fejn jixraqlu. Kien imbagħad il-kowċ Clive Mizzi li wera l-fiduċja tiegħu fija u meta jkollok rispett mill-kowċ, u tilgħab għall-arma, joħroġ il-frott fil-grawnd.

X’taħseb li kien is-sigriet tas-suċċess wara r-rebħ tal-BOV Amateur Cup?

Is-sigriet tas-suċċess tal-Amateur Cup kien il-konsistenza tal-aħħar partiti, fejn inżilna nilagħbu għal kull logħba qisha finali u ħdimna bħala skwadra fejn kellna l- aħjar attakk u l-aqwa difiża. Filf-att fl-aħħar ħames logħbiet skurjajna 23 gowl u qlajna gowl wieħed biss. Dan sar grazzi għall-plejers kollha li bqajna niġġieldu sal-aħħar u l-istaff tekniku li baqgħu jissapportjawna f’kull partita flimkien mal- kumitat.

U x’tikkummenta fuq l-andament tal-istaġun li għadda b’mod ġenerali għal Qormi FC?

Rigward l-istaġun ta’ Qormi FC, bħalma kulħadd kien jaf it-tir tal-klabb kien maqsum fi tnejn – l-ewwel wieħed li jġib kemm jista’ jkun malajr punti biex isalva fejn dak ilħaqnih u t-tragward l-ieħor ma ntlaħaqx li niġu promossi fejn bqajna niġġieldu sal-aħħar logħba għal dan it-tragward iżda ma wasalx. Sfortunatament kien hemm perjodu fejn kellna xi injuries u anke tlifna punti mal-klabbs b’konfronti diretti u dan wassal li nżilna fil-klassifika. Ir-rebħ tal-Amateur Cup taffa ftit mid- diżappunt tal-promozzjoni.

X’tikkummenta fuq il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?

Il-livell tal-futbol Malti nemmen li jista’ jkun ħafna aħjar speċjalment fil-Premier għall-plejers Maltin, fejn żgħażagħ Maltin li jkollhom potenzjal ma jsibux post biex jilagħbu u jkollhom imorru jilagħbu ma’ klabbs f’diviżjonijiet aktar baxxi. Nemmen li l-MFA għandha tiffokka fuq dawn iż-żgħażagħ għax dawn ħa jkunu l-futur tan- Nazzjonal tagħna. Rigawrd Challenge League u Amateur League min-naħa l- oħra, peressli l-Maltin mhux qed isibu post fil-Premier, dawn id-diviżjonijiet jissaħħu għax ikun hemm plejers ta’ kwalitá.

U rigward dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob uffiċjali tagħkom?

Rigward riżorsi tal-grawnds, il-klabbs għandhom jieħdu ħsieb aktar il-grawnds għaliex bit-temp ta’ Malta, jekk ma ssirx manutenzjoni fuq il-pitches billi jixxarbu, l-art wara ċertu żmien ikollha tinbidel. L-istess ħaġa l-grawnds ta’ fejn nilagħbu. Fil-fatt nemmen li grawnd wieħed għandna sintetiku li huwa ta’ livell u dan huwa s-Centenary Stadium.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Ifhem, il-futur tiegħi fil-futbol dejjem ħa jibqa’ f’ħajti għaliex jekk nispiċċa nilgħab żgur li ħa nibqa’ nsegwih. 

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jilgħab il-futbol.

Għal min jixtieq jilgħab futbol, jien inħeġġiġhom għax huwa sport li jgħaddik minn ċerti emozzjonijiet li f’ħajtek qatt ma tesperjenzahom. Huwa importanti li ma taqta’ qalbek qatt għax jekk temmen fik innifsek u tkun determinat tista’ tasal fejn trid. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport