Monday, May 11, 2026

‘Naħseb li s-sigriet tas-suċċess wara din il-promozzjoni storika kienet l-għaqda fit-tim u l-konsistenza tul l-istaġun kollu’ – Adrian Sammut

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn meta kont żgħir ħafna. Bdejt nitħarreġ man-Nursery ta’ Mosta FC, u minn dejjem kont inħobb il-logħba. Fl-istess ħin, kelli lil ħija l-kbir minni li kien jilgħab il-futbol ukoll, u konna nilagħbu hafna flimkien. Aktar ma beda jgħaddi ż-żmien, aktar komplejt nieħu pjaċir nilgħab il-futbol u iktar kibret l-imħabba tiegħi lejn dan l-isport.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Attard FC.

L-esperjenza tiegħi f’dan l-istaġun ma’ Attard FC kienet waħda pożittiva ħafna. Hemm ambjent sabiħ u professjonali, b’players u staff li jaħdmu flimkien u jgħinu lil xulxin biex inkomplu ngħollu l-livell tagħna bħala tim.

X’taħseb li kien is-sigriet tas-suċċess wara l-promozzjoni storika li ksibtu għall-Challenge League bħala Champions?

Naħseb li s-sigriet tas-suċċess wara din il-promozzjoni storika kienet l-għaqda fit-tim u l-konsistenza tul l-istaġun kollu. Kull membru tat-tim kien jaf ir-rwol tiegħu u kulħadd ta l-aħjar tiegħu f’kull logħba. Barra minn hekk, kellna staff tekniku li ħadem ħafna minn wara l-kwinti sabiex it-tim jibqa’ ffukat u preparat bl-aħjar mod possibbli.

X’tikkummenta fuq il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?

Naħseb li l-livell tal-futbol Malti qed jitjieb, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam mal-kompetittività u l-aspett fiżiku tal-logħba. Madankollu, għad hemm spazju għal aktar titjib, partikolarment fl-infrastruttura u fl-iżvilupp taż-żgħażagħ.

U rigward dak tar-riżorsi u l-grawnds fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob uffiċjali tagħkom?

Rigward ir-riżorsi, għad fadal ħafna xogħol xi jsir, speċjalment fejn jidħlu l-grawnds u l-faċilitajiet. Xi drabi dawn ma jkunux fl-aqwa kundizzjoni, u naħseb li jekk ikun hemm aktar investiment f’dan il-qasam, il-livell tal-futbol Malti jista’ jkompli javvanza aktar.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Kuntent bdak li rnexxili nilħaq s’issa, l-għan tiegħi hu li nkompli nibni fuq dan. Dejjem nibqa’ ffukat biex nagħti l-aħjar tiegħi, ngħin lit-tim u nara fejn jista’ jwassalni l-futbol fil-futur.



Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jilgħab il-futbol.


L-iktar ħaġa importanti hija li qatt ma taqta’ qalbek, anke meta tiltaqa’ ma’ ostakli jew diffikultajiet. Trid tibqa’ taħdem u temmen fik innifsek sakemm il-ħolma tiegħek issir realtà. Importanti wkoll li titgħallem mill-iżbalji tiegħek u dejjem tipprova tagħmel aħjar id-darba li jmiss.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport