Friday, April 26, 2024

LUKANDI BISS

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Baqgħet tipprevali l-fehma li lukanda waħidha ma tkampax, jekk se tibda bħala proġett ġdid. Irid ikollha assoċjata mal-istess proġett il-bini ta’ appartamenti u uffiċini, li mill-bejgħ tagħhom isir il-profitt li jiġġustifika lukanda. Eċċezzjonijiet għal din il-prattika… talanqas qabel faqqgħet il-pandemija… kienu l-lukandi “boutique”.

Xorta għadni nemmen li hu żball li naċċettaw proġetti ta’ lukandi mfassla bi skop doppju. Nara li kienu u se jibqgħu għajn għal spekulazzjoni u taħwid fis-settur tal-bini. Jintqal li mingħajr permess biex parti mill-proġett imur għal użijiet oħra, l-ebda lukanda ġdida ma tista tkun ekonomikament vijabbli. Ħaġa li naraha tikkontradixxi l-istrateġija li segwejna għal snin twal, li norbtu l-iżvilupp ekonomiku mat-turiżmu.

Imma anke jekk hi minnha, il-gvern jista’ permezz ta’ eżenzjonijiet minn taxxa, għajnuniet finanzjarji u sussidji oħra applikabbli għal kull lukanda ġdida, jara kif jista’ jagħmel li proġetti ta’ lukanda biss, isiru profitabbli.

ART TAL-BIEDJA

Minn naħa hemm art tajba għall-biedja li mhijiex tintuża – jew għax spezzettata wisq bejn il-familji, jew għax ta’ min hi qata’ qalbu mill-biedja, jew għax wisq bagħlija u biex tagħmilha trendi trid wisq flus. Hemm l-art tajba għall-biedja li qed tittieħed lura mis-sidien li mhumiex bdiewa. U hemm l-art li titneħħa mill-agrikoltura għax minn fuqha jridu jgħaddu toroq jew xi faċilità infrastrutturali oħra.

Ilu li wasal iż-żmien għal politika waħda ċara u komprensiva dwar l-art tal-biedja. Veru li das-settur spiċċa wieħed miċ-ċkejkna sew fl-ekonomija tagħna. Id-dħul tal-pajjiż fl-Unjoni Ewropea kkontribwixxa ħafna għal hekk. Imbagħad kien hemm fatturi oħra li komplew żiedu r-rankatura għan-niżla.

Neħtieġu konsolidament qawwi u effettiv tal-art li se tibqa’ dedikata għall-biedja.

MEKKANIŻMU GĦAS-SALTNA TAD-DRITT

Dwar kif se jiġu nfurzati akkużi dwar ksur tas-saltna tad-dritt fi ħdan l-Unjoni Ewropea nistennew it-trikki trakki. Il-pajjiżi membri, il-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew għandhom perspettivi differenti dwar kif dal-kunċett għandu jitħaddem b’mod li jwassal biex jinħarġu sanzjonijiet kontra min jiksru fost il-gvernijiet.

Ħlief f’każi lampanti, il-pajjiżi membri ma tantx huma ħerqana biex dil-proċedura ssir ta’ spiss. Il-Kummissjoni Ewropea hi favur il-proċedura ħafna aktar mill-istati membri imma trid tużaha, qed tgħid, bħala miżura finali meta kull miżura oħra ma tkunx irnexxiet. F’parti sostanzjali tiegħu… naħseb parti maġġoritarja… il-Parlament Ewropew qed jinsisti li atti li jkunu allegatament kontra s-saltna tad-dritt jiġu trattati bi priorità u tittieħed kull azzjoni meħtieġa.

Iċ-ċansijiet huma li l-logħba politika tal-patta pari patta li diġà ntlagħbet fl-aħħar snin fuq dan is-suġġett se tirranka fiż-żmien li ġej. 

Sport