Saturday, December 21, 2024

Aħbarijiet tajba u ħżiena

Joseph Muscat janalizza l-istħarriġ ta' Vincent Marmara

Aqra wkoll

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat meta kuntattjat minn IT-TORĊA biex jikkummenta dwar l-istħarriġ ta’ Vincent Marmara dwar l-appoġġ tal-Partit Politiċi, qalilna li “l-ħabib tiegħi Vincent Marmara qatt ma żbalja stħarriġ. Lanqas fl-aħħar elezzjonijiet Ewropej fejn kien hemm riżultati differenti fl-istess ġurnata, u numru ta’ ċirkustanzi partikolari.”

Enfasizza li “għandi fiduċja assoluta fil-metodoloġija u onestà intelletwali ta’ Vince. Dejjem afdajtu mhux għax ħabib tiegħi, mhux għax jgħidlli li rrid nisma’ iżda għax ma jħares lejn wiċċ ħadd u jgħidli l-fatti. Qed ngħid hekk għax dan l-istħarriġ ta’ Vincent Marmara qed jixxandar fil-kuntest tar-riżultat totalment bil-maqlub ta’ dak tal-Malta Today.”

Saħaq li “sitwazzjoni simili kienet feġġet fi żmien ir-referendum tal-kaċċa fejn skont Malta Today kien se jintrebaħ b’saħħa mil-Le iżda skont l-interpretazzjoni ta’ Vincent Marmara, fost l-oħrajn, kien se jintrebaħ bi ftit mill-Iva. Kulħadd jaf x’ġara. Fil-fehma tiegħi, u forsi dan jista’ jissorprendi lil ħafna, iż-żewġ stħarriġ ma tantx huma differenti minn xulxin. Hija l-interpretazzjoni tan-numri li hija totalment differenti.”

Voti pparkjati

Joseph Muscat qalilna li “bħalissa, il-Partit Laburista jinsab madwar 12,000 vot minn fuq. Huwa distakk b’saħħtu iżda huwa ċar li dan naqas għax hemm ħafna Laburisti li qed jgħidu li mhux se jivvutaw. Din hija aħbar ħażina għal Partit Laburista. L-aħbar it-tajba hija li sa’ issa dawn il-persuni mhux jersqu lejn il-Partit Nazzjonalista, li għadu jgerrex lil ħafna nies bl-attitudni vendikattiva u ta’ mnieħer imxammar ta’ uħud min-nies ewlenin tiegħu. L-aħbar it-tajba għal Partit Nazzjonalsita hija li qed jirnexxielhom jikkonvinċu Nazzjonalisti li kienu ilhom ma jivvutaw biex jerġgħu jersqu lejn il-Partit.

Dawn mhux jagħmlu differenza kbira għalissa iżda hija kisba ċara ghall-Oppożizzjoni. L-aħbar il-ħażina għall-Partit Nazzjonalista hija li t-tmexxija tal-partit ma daħlitx dil-qlub tal-partitarji tiegħu stess.”

L-importanza tal-Programm Elettorali

Joseph Muscat sostna li “l-eluf ta’ voti pparkjati, ferm aktar Laburisti minn Nazzjonalisti, qed jistennew sinjali ċari miż-żewġ partiti. Min jaħseb li r-risposta min-naħa tal-Partit Laburista hija sempliċiment li wieħed “jaqdi lin-nies” ikun qed jagħmel analiżi superfiċjali ħafna. Il-Partit Laburista jrid juri li għandu l-ħeġġa u l-enerġija li jwettaq. Il-Gvern għandu Programm Elettorali ambizzjuż ħafna ta’ mijiet ta’ proposti li ġie approvat fis-sena 2022. Onestament mhux qed narah jitwettaq bl-għaġġla neċessarja.

Għandu jingħata rendikont ta’ dak li qed isir u fejn wasal ix-xogħol għax jista’ jkun l-ewwel wieħed jien għandi żball fl-impressjoni li din il-ħidma qed taqa’ lura. Ma nistgħux nitilfu r-reputazzjoni eċċellenti ta’ Gvern li jwettaq. Aktar milli jitħabbru affarijiet ġodda li ħadd ma jkun jaf minn fejn ġejjin, żgur li l-votanti jippreferu li l-Gvern ikun iffukat li jwettaq dak imwiegħed. Il-poplu fuq hekk se jiġġudikah.”

Metsola mhux se tagħmel mirakli

L-eks Prim Ministru kompla jgħid li “minn naħa tiegħu, il-Partit Nazzjonalista jrid jinża s-suppervja li f’moħħ in-nies ġabitu “the nasty party”. Din ma tiġix bit-tbissim iżda b’ sinjali ċari. Jekk ma jkunx hekk, Nazzjonalisti li jħossu li marru aħjar mill-2013 ‘il hawn ma jistgħux jerġgħu jafdawh.

L-idea li jitlaq Grech, tiġi Metsola u ddawwar kollox hija għal darba oħra superfiċjali. L-istess paroli kien jingħad meta kien hemm ħafna eċċitament li Simon Busuttil ġej minn barra. Kulħadd jaf x’ġara. Metsola hija verżjoni femminili ta’ Busuttil. Frankament aktar ikun jinkwetani Adrian Delia li għandu sens ta’ empatija ferm b’ saħħtu. Sfortunatament għal Partit Nazzjonalista, dan ma tħalliex jaħdem. Xorta iżda s-soluzzjoni għal Partit Nazzjonalista mhix sempliċiment bidla fit-tmexxija iżda tinsab x’ imkien ieħor ferm aktar fundamentali, li qegħda taħt imnieħru iżda “they are missing the woods for the trees.”

Ekonomija

Sport