Wednesday, December 25, 2024

Akkomodazzjoni u edukazzjoni b’xejn lill-istudenti Ukreni

…l-Università Ukrena b’inċentivi anke għall-għalliema

Aqra wkoll

Fit-2 ta’ Ottubru li għadda, kif ġie mħabbar f’artiklu preċedenti f’dan is-sit stess, f’pajjiżna bdiet topera l-International European University (IEU) – Università Ukrena, li attwalment qed toffri tliet korsijiet u hija miftuħa għal studenti ta’ nazzjonijiet differenti.

L-għan prinċipali wara l-ħruġ ta’ liċenzja temporanja biex jibda l-operat f’pajjiżna hija marbuta mas-sitwazzjoni attwali li tinsab fiha l-Ukrajna mindu bdiet l-invażjoni fl-24 ta’ Frar tal-2022. Il-liċenzja ngħatat għal perjodu ta’ sena sat-3 ta’ Lulju li ġej. It-tiġdid tagħha jħoll u jorbot mal-avvenimenti li jiżvolġu fl-Ukrajna fix-xhur li ġejjin.

Kelliem għall-IEU qal ma’ dan is-sit li l-għan ewlieni wara dan kollu huwa li l-istudenti Ukreni ma jkunux imċaħħda mid-dritt li jkomplu javvanzaw fil-livell edukattiv tagħhom minkejja s-sitwazzjoni mwiegħra ta’ pajjiżhom kawża tal-invażjoni Russa. Huwa żied jispjega li l-awtoritajiet amministrattivi Ukreni huma tassew grati lejn il-Gvern Malti u l-Awtorità ta’ Malta tal-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (MFHEA) għaliex permezz tal-ħruġ ta’ liċenzja temporanja reġgħu taw skop ġdid lil għexieren ta’ żgħażagħ u l-familji rispettivi tagħhom.

L-istess kelliem żvela ma’ dan is-sit li l-IEU qed toffri akkomodazzjoni b’xejn lill-istudenti u l-għalliema Ukreni ta’ din l-università. Barra minn hekk, l-istudenti Ukreni qed jiġu eżentati milli jħallsu l-ispejjeż marbuta mat-tagħlim tagħhom. Dawn l-inċentivi ġew introdotti bil-għan li jħajru iktar studenti u għalliema Ukreni sabiex minkejja l-isfidi li qed jaffaċċjaw f’pajjiżhom ma jabbandunawx l-istudju u b’hekk ikollhom ċans daqs kwalunkwe persuna oħra għal impjieg b’għajxien diċenti.

Intant, matul il-jum tal-lum se jkun qed isir il-ftuħ uffiċjali tal-Università, fejn mistennija jingħaqdu għalliema u studenti ġodda għal din is-sena skolastika.

Ekonomija

Sport