Saturday, May 2, 2026

“Aktar b’saħħitna flimkien: Nipprijoritizzaw is-Saħħa Mentali f’Ewropa li qed tinbidel”

Il-Ġimgħa Ewropea għas-Saħħa Mentali 2026

Aqra wkoll

L-Ewropa għaddejja minn bidliet kbar – avvanzi diġitali, inugwaljanza li qed tiżdied, pressjonijiet akbar fuq iż-żgħażagħ, u aċċess li jvarja fejn wieħed isib l-għajnuna, modi differenti ta’ kif ngħixu, nikkollegaw, u nġibu ruħna fid-dinja. Dawn il-bidliet jistgħu jinħassu kbar ħafna, u joħolqu inċertezza u biża’ dwar il-futur. Madankollu prinċipju wieħed jibqa’ sod: aħna aktar b’saħħitna flimkien.

L-Uffiċċju tal-Kummissarju għad-Drittijiet ta’ persuni b’mard mentali (Malta) reġa’ ssieħeb ma’ Mental Health Europe biex jippromwovi l-Ġimgħa Ewropea għas-Saħħa Mentali 2026 (EMHW 2026). Din l-inizjattiva tfittex li twassal mill-ġdid in-narrattiva: minflok tiffoka fuq il-kriżi, tenfasizza l-konnessjoni kollettiva, ir-reżiljenza, u t-tama. Il-bidla mhix biss sors ta’ stress; imma toffri wkoll opportunità biex wieħed jerġa’ jibni u jadatta. Il-messaġġ ta’ din is-sena jfakkarna li jekk negħlbu d-diffikultajiet, il-fejqan jista’ jseħħ permezz tal-komunità, tas-solidarjetà, jekk flimkien ikolna l-istess għan.

“Aktar b’saħħitna flimkien” titlob l-għaqda f’mumenti ta’ firda u inċertezza. Dan il-ħsieb jixpruna l-kura, l-konnessjoni, u d-dinjità, filwaqt li jħeġġeġ lin-nies, l-organizzazzjonijiet, u l-komunitajiet biex jimxu ’l quddiem flimkien. Il-ħolqien ta’ ambjenti fejn kulħadd jista’ jirnexxi huwa kruċjali, speċjalment fil-preżent. Fi żminijiet ta’ inċertezza, huwa faċli li tħossok maqtugħ għalik waħdek. B’hekk, permezz tal-EMHW2026 ejja nieħdu l-opportunità li nkunu parti minn moviment li jippromwovi l-konnessjoni, il-kura u l-komunità fil-qalba tiegħu.

Prijorità għas-Saħħa Mentali f’Ewropa li qed tinbidel

Bidliet  isseħħu f’kull livell, minn esperjenzi individwali għal żviluppi nazzjonali, li jirrikjedu li nadattaw għal sfidi diversi – xi wħud lokali, oħrajn globali, u spiss riżutat ta’ avvenimenti ġeopolitiċi. Filwaqt li l-bidla tista’ tinħass bħala mument ta’ tfixkil u toħloq b’riskji għas-saħħa mentali, din tista’ tippreżenta wkoll opportunitajiet biex wieħed jikber. Dan jiddependi kif wieħed iġib ruħu skont is-sitwazzjoni, il-konnessjonijiet li għandu u l-appoġġ li wieħed għandu madwaru.

L-impatt tad-dinja diġitali hu qasam sinifikanti fejn il-bidla hija evidenti. Il-mod kif id-dinja qed dejjem issir aktar diġitalizzata tinteraġixxi mal-ħajja tagħna ta’ kuljum, b’ mod partikolari għall-ġenerazzjoni żagħżugħa li qed toffri sfidi ġodda. L-integrazzjoni tat-teknoloġija diġitali toffri aċċess bla preċedent għall-informazzjoni, il-konnessjoni, u perspettivi ġodda, li jsawru kif nifhmu lilna nfusna u lid-dinja. Xi wħud jistgħu jqisu dawn il-bidliet b’mod negattiv, speċjalment meta jikkunsidraw kwistjonijiet bħas-cyberbullying u l-vizzji diġitali li jaffettwaw ħafna nies. Pereżempju, is-cyberbullying jista’ jwassal għal żieda fl-ansjetà, id-dipressjoni, u saħansitra jista’ jkollu wkoll impatt fuq l-irqad u l-istima personali, filwaqt li l-użu eċċessiv ta’ għodda diġitali jista’ jikkontribwixxi għall-iżolament u jfixkel ir-relazzjonijiet li wieħed ikollu.

Minkejja dan it-tħassib, id-dinja diġitali tippreżenta wkoll opportunitajiet siewja għall-appoġġ tas-saħħa mentali. Il-pjattaformi online jistgħu jipprovdu aċċess għal riżorsi tas-saħħa mentali, jgħaqqdu individwi ma’ komunità li tista’ toffri appoġġ, u jiffaċilitaw konverżazzjonijiet miftuħa dwar kif wieħed jista’ jħossu aħjar. Il-messaġġ ewlieni matul L-EMHW 2026 huwa li nħeġġu d-djalogu dwar kif jinħolqu spazji diġitali aktar sikuri u ġusti. Id-dinja diġitali qiegħda hawn biex tibqa’; billi nħaddnu u nużaw l-għodod diġitali bi ħsieb, nistgħu nippromwovu aspetti pożittivi għas-saħħa mentali u ngħinu lill-individwi, speċjalment liż-żgħażagħ, jirnexxu f’ambjent li qed jinbidel. #MentalHealth

Prijorità għas-Saħħa Mentali fil-Komunità

L-importanza tal-komunità huwa ċentrali għall-Ġimgħa Ewropea Tas-Saħħa Mentali 2026. Li persuna tkun f’kuntatt ma persuni oħra u bejnithom ikun hemm solitarjetà hi neċessarja għal saħħa mentali tajba fil-persuna. Din is-sena, l-Uffiċċju tal-Kummissarju ssieħeb mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali biex ikompli jqajjem kuxjenza u jressaq l-appoġġ eqreb fil-komunitajiet. Fuljett b’informazzjoni dwar Apps & Chats, b’riżorsi u servizzi li wieħed jista’ jsib fi żminijiet diffiċli, se jkunu disponibbli b’xejn fl-uffiċċji tal-Kunsill Lokali. #MentalHealthMatters

Prijorità għas-Saħħa Mentali fil-Policies kollha

Din il-ġimgħa hi ċans biex titqajjem aktar kuxxjenx biex is-saħħa mentali tingħata iktar prijorità meta titfassal il-politika (policies). Dan huwa konformi ma’ rakkomandazzjonijiet maħruġa fl-2025 mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) bil-għan li tipproteġi u tippromwovi s-saħħa mentali fil-ħidma kollha tal-gvernijiet. Dawn huma komponenti essenzjali ta’ sistemi u servizzi bbażati fuq id-drittijiet u servizzi tal-ogħola kwalità, li jiffukaw lil hinn mis-settur tas-saħħa mentali. Policies li jipprijoritizzaw is-saħħa mentali għandhom joperaw bejn il-ministeri u l-aġenziji tal-gvern biex tingħata importanza lis-saħħa mentali fil-policies, l-istrateġiji u l-attivitajiet ewlenin tagħhom. Huma diversi s-setturi li huma meqjusa importanti fil-protezzjoni u l-promozzjoni tas-saħħa mentali b’saħħita jinkludu fosthom; il-kultura, l-arti u l-isport, id-difiża u l-ġustizzja, l-edukazzjoni u l-impjiegi, l-ambjent inklużi l-konservazzjoni u l-protezzjoni tal-klima, is-saħħa, l-protezzjoni soċjali u l-iżvilupp urban u rurali. Skont il-WHO, meta wieħed jinjora s-saħħa mentali f’dawn l-oqsma jħallas prezz għaliha ukolli. Filwaqt li l-investiment permezz ta’ azzjoni favur is-saħħa mentali jwassal għal benefiċċji fis-soċjeta b’mod wiesa. L-WHO tappella l-gvernijiet u s-soċjetajiet kollha biex jingħaqdu flimkien u jkun hemm mekkanizzmu maħsub bejn is-setturi kollha biex jippromwovi l-kollaborazzjoni, u jiżguraw l-obbligu ta’ finanzjament sostenibbli għas-saħħa mentali. B’hekk, verament nistgħu ngħidu li s-Saħħa Mentali u l-umanità jirnexxu meta ningħaqdu u naħdmu flimkien. #StrongerTogether

L-EMHW 2026 hija inizjattiva biex titqajjem kuxjenza dwar l-importanza tas-saħħa mentali xprunata mill-għaqda Mental Health Europe. Din l-inizjattiva tlaqqa’ flimkien organizzazzjonijiet mis-soċjeta ċivili, gruppi fil-komunita, dawk li jfasslu l-politika, professjonisti, persuni b’esperjenza ħajja tas-saħħa mentali u l-pubbliku in ġenerali biex titqajjem kuxjenza dwar is-saħħa mentali. Flimkien nistgħu nċaqilqu n-narrattiva minn fuq l-istigma u vittimizzazzjoni. Din il-ġimgħa sservi biex tenfasizza l-fatturi soċjali, politiċi u strutturali li jsawru s-saħħa mentali u toffri soluzzjonijiet li għandhom l-għeruq tagħhom fid-drittijiet tal-bniedem u fil-kura fil-komunità. #EuropeanMentalHealthWeek

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport