Saturday, May 2, 2026

Il-GWU temmen li l-ħaddiema għandhom ikunu mgħammra bit-taħriġ u l-ħiliet meħtieġa biex jiffaċċjaw it-tibdil fid-dinja tax-xogħol

Id-diġitalizzazzjoni fuq l-aġenda tal-MCESD

Aqra wkoll

Id-diġitalizzazzjoni qed issir element essenzjali biex tiżdied il-produttività u tiġi żgurata l-kompetittività ta’ Malta f’ħafna setturi, speċjalment f’kuntest globali li qed jinbidel b’pass mgħaġġel. F’dan l-isfond, fuq proposta tal-General Workers’ Union (GWU) u l-Kamra tal-Kummerċ, l-MCESD iddiskuta d-diġitalizzazzjoni u l-importanza tagħha fid-dinja tal-lum.

Il-General Workers’ Union, permezz tas-Segretarju Ġenerali (Designate) Kevin Camilleri, spjegat li pproponiet din id-diskussjoni għax temmen li l-ħaddiema għandhom ikunu mgħammra bit-taħriġ u l-ħiliet meħtieġa biex jaffaċċjaw it-tibdil fid-dinja tax-xogħol. 

Il-GWU saħqet fuq il-ħtieġa li, permezz ta’ lifelong learning, il-ħaddiema jkunu jistgħu jadattaw għal dan il-paradoss ta’ trasformazzjoni kontinwa, filwaqt li flimkien mal-Gvern u min iħaddem ikomplu jtejbu l-valur tal-ħaddiem fis-suq tax-xogħol.

Il-Kamra tal-Kummerċ sostniet li d-diġitalizzazzjoni hija realtà li qed tinbidel kontinwament u li trid tiġi indirizzata b’serjetà. Enfasizzat li n-negozji għandhom jibbenefikaw minn skemi, servizzi u inizjattivi offruti mill-Gvern biex ikomplu jsaħħu l-kompetittività tagħhom.

Fid-diskussjoni, flimkien mal-Imsieħba Soċjali, ipparteċipaw rappreżentanti mill-Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi, il-Malta Digital Innovation Authority (MDIA), Malta Enterprise u l-Malta Business Registry (MBR), li ppreżentaw diversi inizjattivi, miżuri u skemi relatati mad-diġitalizzazzjoni, li jappoġġjaw kemm lill-ħaddiema kif ukoll lin-negozji fl-adattament tagħhom għat-trasformazzjoni diġitali.

Iċ-Chairperson tal-MCESD, Maria Micallef, enfasizzat li mingħajr il-ħiliet meħtieġa ma nistgħux niksbu r-riżultati mixtieqa, u għalhekk saħqet fuq l-importanza tar-reskilling, upskilling u lifelong learning. Hija sostniet li rridu nħarsu ’l quddiem u nifhmu kif id-diġitalizzazzjoni tista’ tintuża biex tissaħħaħ il-kwalità tal-ħajja tan-nies, filwaqt li s-sostenibbiltà u r-reżiljenza jibqgħu kruċjali sabiex jiġi promoss żvilupp inklussiv u sostenibbli.

Maria Micallef spjegat kif:  “Permezz tal-pjattaforma unika tal-MCESD, il-Gvern u l-Imsieħba Soċjali jistgħu jaħdmu flimkien biex jiżguraw li d-diġitalizzazzjoni, li ġġib magħha bidla inevitabbli, tkun trasformazzjoni ġusta li toħloq riżultati kemm għall-industrija kif ukoll għall-ħaddiema. F’dan il-kuntest, id-djalogu soċjali jibqa’ essenzjali biex niżguraw li din il-bidla tkun inklussiva, sostenibbli u ta’ benefiċċju reali għal kulħadd.”

Il-Kunsill tal-MCESD laqa’ b’mod pożittiv din il-laqgħa, li tqieset rilevanti ħafna għaż-żmien tal-lum, u għamel diversi rakkomandazzjonijiet lill-awtoritajiet ikkonċernati dwar miżuri biex tissaħħaħ id-diġitalizzazzjoni, kemm għall-ħaddiema kif ukoll għan-negozji.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport