Fit-30 ta Mejju l-elettorat għandu għażla importanti iżda mhux diffiċli. Mandat ġdid lil Partit Laburista huwa mistħoqq. Għalhekk fit-30 ta’ Mejju għandu għażla ċara.
Veru li l-ebda partit politiku f’Malta qatt ma rebaħ erba’ elezzjonijiet wara xulxin. Iżda veru wkoll li fl-istorja politika Maltija qatt ma kien hemm partit li kompla jiġġedded fil-gvern waqt li ġedded u immodernizza l-pajjiż b’riformi kbar.
It-tiġdid ma kienx biss fit-tmexxija u fil-kabinett. Kien ukoll fil-livelli politiċi u amministrattivi b’riformi li saru f’diversi setturi fosthom fil-libertajiet ċivili, fis-saħħa, fil-kostruzzjoni, fil-ġustizzja, fil-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja, fil-pensjonijiet u fil-governanza.
Ir-riformi jinħtieġu rieda politika, determinazzjoni u kuraġġ.
Mill-2013 ‘l hawn, Malta kellha gvern riformista. Ir-riformi dejjem kienu ta’ prijorità fl-aġenda tal-gvern imexxi mill-Partit Laburista. Prova ta’ dan hija li fil-qalb tal-gvern, fil-kabinett, ħatar persuna ffokata fuq il-proċessi ta’ riformi.
Fit-tielet mandat tal-Gvern Laburista, is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg, waqt li saħħet ir-riformi li saru fl-ewwel żewġ mandati tal-gvern, daħħlet riformi oħrajn li qegħdin jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies fosthom dwar l-IVF u l-living will.
Tista’ tgħid li l-14-il leġislatura li għadha kif intemmet, bdiet u ntemmet b’żewġ riformi li jmissu r-rispett u d-dinjità umana.
Ir-riforma fil-bidu tal-leġislatura fl-2022, kompliet twessa d-drittijiet tal-IVF li bis-saħħa tagħhom aktar persuni saru ġenituri. Dan sar b’kuntrast kbir mal-Partit Nazzjonalista li kemm fil-gvern u anke mill-oppożizzjoni joppona diversi riformi dwar l-IVF.
Fit-tarf tal-leġislatura sewwa sew, tliet seduti biss qabel il-Parlament ġie xolt, il-kamra tad-deputati approvat liġi ġdida li tagħti d-dritt lil persuni jiddeċiedu fuq il-kura medika li ma jkunux jixtiequ f’ċirkustanzi ta’ mard serju ta’ tmiem il-ħajja.
Malta għamlet progress u avvanzi kbar f’kull qasam. Ma jfissirx iżda li ma baqax ħafna iżjed x’isir biex ikomplu jitwettqu l-aspirazzjonijiet tal-poplu. Fl-aħħar 13-il sena, il-Partit Laburista wera l-kapaċità, l-kompetenza u r-rieda li iwettaq il-proposti u r-riformi għal Malta aqwa.
Meta bil-kemm għadha għaddiet ġimgħa fil-kampanja elettorali, diġà qegħdin naraw sensiela ta’ proposti tal-manifest elettorali li juru biċ-ċar li l-Partit Laburista għandu programm li jkompli jibni fuq ir-riformi li saru fil-qasam soċjali u ekonomiku.
Dawn iż-żewġ elementi tal-politika iridu jimxu id f’id biex nassiguraw il-benesseri tal-poplu Malti u Għawdxi, bl-impenn li dan il-benesseri issa ser jibda jiġi mkejjel b’indiċi apposta flimkien mal-kejl tal-Prodott Domestiku Gross.


