Min-naħa tiegħu, id-Deputat Mexxej Laburista Alex Agius Saliba stqarr li fit-30 ta’ Mejju l-għażla hija ċara. “L-għażla hija Malta… l-għażla hi l-Prim Ministru Robert Abela għall-ħames snin li ġejjin,” qal Agius Saliba.
Huwa elenka diversi miżuri li diġà tħabbru mill-Prim Ministru li huma nklużi fil-manifest Int Malta. Qal li hu jinsab kburi ħafna li ta’ kuljum jaħdem spalla ma’ spalla mal-Prim Ministru li għalih Malta hija l-ewwel u qabel kollox.
Agius Saliba qal li b’wiċċu minn quddiem jgħid li l-manifest elettorali li qiegħed jiġi ppreżentat lill-poplu hu l-aqwa wieħed li qatt ġie ppreżentat mill-Partit Laburista.
Id-Deputat Mexxej temm id-diskors tiegħu billi qal li l-Partit Laburista dejjem żamm il-kelma mal-poplu. “Il-kelma tagħna hija kuntratt magħkom,” temm jgħid Agius Saliba.


